Il-Partit Nazzjonalista jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet li saru dwar il-pagi ta’ Rosette Thake u Brian St John
Dak li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, meta waqaf għat-theddid, huwa bla preċedent fil-politika Maltija u juri d-determinazzjoni tiegħu li jnaddaf il-politika f’pajjiżna. L-ebda donazzjoni, kbira kemm hi kbira, żgħira kemm hi żgħira, mhi se tagħlaq ħalq il-Partit Nazzjonalista jew iżżommu milli jieħu pożizzjoni kontra t-trasferiment tal-art tal-ITS bil-mod kif sar.
Kulħadd jaf li l-Partit Nazzjonalista jgħix bid-donazzjonijiet tan-nies, fosthom individwi, familji u nies fin-negozju. Proprju lbieraħ waqt Maratona Ta’ Ġbir ta’ Fondi, dawn id-donazzjonijiet laħqu s-somma sabiħa ta’ €266,459. Dawn id-donazzjonijiet jiffinanzjaw l-operat tal-partit, l-attivitajiet politiċi u anki s-salarji tal-ħaddiema tal-partit.
Mhux veru li xi impjegat jew uffiċjal tal-partit jitħallas mingħand xi individwu jew kumpanija oħra, kif ġie allegat dwar is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake. Is-Segretarju Ġenerali titħallas is-salarju tagħha mill-Partit Nazzjonalista.
Matul is-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista rċieva €1,170,186 f’donazzjonijiet. Din is-somma ġiet dikjarata diġà mal-Kummissjoni Elettorali. (Ritratt hawn taħt)
Minn din is-somma ta’ donazzjonijiet matul l-2016, total ta’ €3,500 waslu mingħand is-sur Silvio Debono.
Minbarra dan, matul is-sena li għaddiet, żewġ kumpaniji li fihom hemm involut is-sur Debono, kellhom relazzjoni kummerċjali mal-kumpanija Media.link Communications li għaliha tħallset is-somma komplessiva ta’ €70,800. Mhux veru li s-sur Brian St John, Chief Corporate and Business Strategy, jitħallas mingħand dawn iż-żewġ kumpaniji. Huwa jitħallas is-salarju tiegħu mill-kumpanija Media.link Communications.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet li saru dwar il-pagi ta’ Rosette Thake u Brian St John.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-pożizzjoni tiegħu li t-trasferiment tal-art tal-ITS għandu jiġi investigat mill-Awditur Ġenerali u mhu se jħalli lil ħadd jagħlaqlu ħalqu. Il-ballun issa huwa f’saqajn Joseph Muscat li għandu jgħid il-verità sħiħa dwar dan id-deal.



