Futbol Sport

Carlo Tavecchio elett President tal-FIGC

Fid-29 ta’ Jannar tal-2018 se jkun magħruf is-suċċessur ta’ Tavecchio (fir-ritratt)

Wara sena u nofs fit-tmexxija, Carlo Tavecchio ġie konfermat bħala President tal-FIGC wara li rebaħ elezzjoni missielta kontra l-President attwali tas-Serie B Andrea Abodi.

Fl-ewwel rawnd ta’ votazzjoni, Carlo Tavecchio ġab 56.49% tal-preferenzi filwaqt li Andrea Abodi ġab 42.91%. Biex wieħed jiġi elett bħala President fl-ewwel rawnd kien hemm bżonn 75% u għalhekk kien hemm bżonn it-tieni rawnd ta’ voti fejn hu biżżejjed li kandidat iġib 67% tal-voti.

Iżda fit-tieni rawnd ta’ voti, dan il-persentaġġ ma ntlaqax hekk kif Tavecchio baqa’ fuq quddiem b’53.70% filwaqt li Abodi żied ftit u kiseb 45.41%. Għalhekk kien hemm bżonn it-tielet votazzjoni, dik deċiżiva, fejn hu neċessarju li xi ħadd ikollu aktar minn 50% tal-voti.

Hawnhekk, Tavecchio kien konfermat bħala President tal-FIGC wara li kiseb 54.03% tal-voti kontra l-45.97% ta’ Abodi, biex b’hekk se jkompli jagħti kontinwità għal uħud mill-proġetti fl-ewwel perjodu tas-sena.

Fost l-aktar persuni importanti li taw l-appoġġ tagħhom lil Andrea Abodi kien hemm il-President tal-Lega Pro Gabriele Gravina u l-President tal-plejers Damiano Tommas, filwaqt li l-President tal-assoċjazzjoni Taljana tal-kowċis Renzo Ulivieri, il-President tar-Referees Marcello Nicchi u l-President tas-Serie A Maurizio Beretta taw l-appoġġ tagħhom lil Carlo Tavecchio.

Fost il-proġetti fil-ħsieb ta’ Tavecchio hemm ir-riforma tas-Serie A li jibqa’ b’20 tim imma li jkun hemm żewġ timijiet relegati, filwaqt li s-Serie B jiġi wkoll b’20 tim. Il-Lega Pro minflok fi tliet gruppi, issir b’żewġ gruppi ta’ 20 tim. Tezisti l-possibbiltà li fil-Lega Pro, ikun hemm it-tieni tim tal-iskwadri tas-Serie A.