Il-pjanijiet ta’ Chelsea biex ikabbru l-istadium ta’ Stamford Bridge ġie aċċettat mis-Sindku ta’ Londra. Dan it-tkabbir se jara lil Chelsea jilqgħu total ta’ 60,000 spettatur kontra l-41,600 li għandhom bħalissa, kif ukoll se jinkludi ħolqa diretta fl-istazzjon ta’ taħt l-art ta’ Fulham Broadway.
L-arkitetti ta’ dan il-proġett huma Herzog u de Meuron, li kienu responsabbli għall-Istadium Olimpiku ta’ Beijing u l-Allianz Arena ta’ Bayern Munich. L-istadium hu skedat li jkun lest għall-istaġun 2021/2022, u għalhekk ifisser li Chelsea jrid jsibu post temporanju għal massimu ta’ tliet staġuni.
Wieħed mill-postijiet li qed jissemma li jista’ jservi ta’ stadium temporanju hu Wembley, minkejja li Tottenham se jkunu qed jilagħbu hemm l-istaġun li ġej, sakemm jitlesta x-xogħol li għaddej bħalissa fuq White Hart Lane.
L-applikazzjoni ta’ Chelsea tinkludi madwar investiment €14-il miljun f’attivitajiet tal-komunità li jinkludi impjiegi ġodda, taħriġ tal-ħiliet u kontribuzzjoni ta’ kważi €4.5 miljun lejn proprjetà affordabbli.
Is-Sindku ta’ Londra Sadiq Khan qal li Londra hi waħda mill-akbar bliet sportivi fid-dinja u sostna li jinsab kuntent li l-istaġun ta’ Chelsea jiżdied mal-lista ta’ stadiums ta’ livell fil-kapitali Ingliża.
Khan qal li wara li ra l-applikazzjoni, hu sodisfatt li l-proġett hu ta’ kwalità għolja u għandu disinn spettakolari li se żżid il-kapaċità tal-ispettaturi, kif ukoll tassigura aċċess faċli tat-trasport.
//= $special ?>