L-importanza li aktar nisa jokkupaw pożizzjonijiet eżekuttivi fis-settur tax-xogħol u l-politika kif ukoll l-effetti tal-media kienu diskussi f’konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara.
Il-konferenza bit-tema ‘Fejn qegħdin. Fejn irridu nkunu?’ iffukat fuq il-kisbiet li għamlet il-mara u irriflettiet fuq il-ħtieġa ta’ bidliet u progress lejn l-ugwaljana bejn l-irġiel u n-nisa fiċ-soċjetà.
Fil-konferenza ippartecipa l-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, Djalogu Soċjali u Xandir Clyde Puli li tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar nisa jipparteċipaw fl-istrutturi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Huwa appella biex in-nisa jingħataw aktar viżibilita’. Mitlub jikkumenta wara l-konferenza Puli qal li b’dispjaċir jinnota li fl-aħħar 3 snin pajjiżna waqa’ 20 post lura fil-kejl internazzjonali tal-ugwaljanza tal-mara, biex issa Malta tinsab l-ahhar fl-Ewropa.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kummissarju tal-NCPE Renee Laiviera u mill-Ministru għad-Djolagu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli li tkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-mara f’Malta partikolarment fil-miżuri introdotti biex ikun aktar faċli għan-nisa li joħorġu jaħdmu.
Huma tkellmu dwar l-oppurtunitajiet li n-nisa javvanzaw fil-karriera tagħhom u qalu li l-isterjotipi huma l-aktar ostaklu għall-avvanz tan-nisa fis-soċjetà.
//= $special ?>