Lokali

€266,459 miġbura fil-Maratona tal-Partit Nazzjonalista

Waqt l-għeluq tal-maratona
Għal darb'oħra, il-poplu reġa' ta l-fiduċja tiegħu lill-Partit Nazzjonalista - somma li se tgħin fil-kampanja elettorali.

Maratona oħra tintemm b’suċċess fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista – hekk kif matul il-ġurnata tal-Ħadd saret il-maratona ġbir ta’ Fondi bit-tema’ ‘Għad-Demokrazija u l-Libertà’, li kompliet mal-kampanja li bdiet b’attività f’Tas-Sliema u dimostrazzjoni nazzjonali fil-Belt Valletta.

Is-somma miġbura matul il-maratona kienet dik ta’ €266,459.

Għal din l-attivita’ ta’ ġbir ta’ fondi attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, fejn irringrazzja lil kull min ta d-donazzjoni tiegħu, u stqarr li dawn se jkomplu jgħinu biex il-Partit Nazzjonalista jkollu kampanja elettorali b’saħħitha u li tkun tista’ twarrab lil aktar Gvern korrot fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-maratona bdiet għal ħabta ta’ nofsinhar u matul il-ġurnata kollha Net Television u Radio 101 kienu qegħdin ixandru xandira diretta ta’ din il-maratona, bis-sehem sħiħ tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ deputati, kandidati u voluntiera. Il-Maratona ttellat ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ diversi persunaġġi li huma magħrufa mas-segwaċi ta’ Net Television u Radio 101.

Il-Maratona għaqdet magħha wkoll il-proġett ‘Ejjew Nazzjonalisti’ li tnieda fil-ġimgħat li għaddew, u li fl-ewwel jiem tiegħu, diġà kien suċċess kbir. F’dan il-proġett, diversi persuni ssieħbu f’familji jew gruppi u qed jiġbru €500 biex, simbolikament, jixtru parti minn mużajk li se jkun qiegħed jitwaħħal fl-entratura tad-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà.

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi baqgħet għaddejja sal-Ħadd filgħaxija b’xandira diretta mid-Dar Ċentrali, u qed inkludiet wkoll open day tal-media tal-Partit, fejn in-nies żaru l-operat tal-media.