Lokali

FILMAT: Il-PL jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti u jwaħħal fil-Kummissjoni Elettorali

Il-Partit Laburista, permezz tal-kelliema tiegħu, sa dalgħodu baqa’ jiġġustifika l-mod kif mhux qed jonora l-liġi tal-finanzjament tal-partiti billi jgħid li l-Kummissjoni Elettorali qed taċċetta din is-sitwazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Gino Cauchi u l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis iddefendew il-pożizzjoni tal-Partit Laburista minkejja l-fatt li l-Partit Laburista huwa l-uniku partit politiku li għadu tax il-lista tad-donazzjonijiet li rċieva.

Skont il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, kull partit politiku għandu jagħti lista tad-donazzjonijiet li jirċievi lill-Kummissjoni Elettorali. Il-Partit Nazzjonalista u l-partit kollha l-oħra irrispettaw id-‘deadline’ imposta bil-liġi. Il-Partit Laburista jibqa’ l-uniku partit li għadu ma tax din il-lista.

Imma Gino Cauchi ġġustifika dan in-nuqqas billi qal li l-Partit Laburista għadu mhux irreġistrat bħala partit politiku. “Il-Partit Laburista, l-applikazzjoni tiegħu biex jirreġistra mal-Kummissjoni Elettorali daħħalha s-sena li għaddiet. Sal-lum, il-Partit Laburista għandu parti mill-istatut li mhijiex konformi mal-liġi” qal Gino Cauchi. “Aħna li qegħdin f’din il-pożizzjoni… ma konniex mitluba mill-Kummissjoni Elettorali biex nippreżentaw ir-rapport tad-donazzjonijiet” żied jgħid.

Gino Cauchi żied jgħid li l-Partit Laburista se jkun qed ibiddel l-istatut f’April li ġej waqt il-konferenza ġenerali u jkun f’dak il-mument li l-Kummissjoni Elettorali taċċetta r-reġistrazzjoni tal-Partit Laburista b’mod sħiħ.

Minkejja li l-Partit Laburista għadu l-uniku partit f’Malta li mhuwiex reġistrat skont il-liġi, l-esponenti Laburisti qed jinsistu li l-Partit Laburista ġie rreġistrat b’mod proviżorju. Madanakollu, il-liġi ma titkellimx dwar reġistrazzjonijiet proviżorji. Kien hawnekk fejn NET News staqsa min aċċetta li l-Partit Laburista jkun irreġistrat b’mod proviżorju, bl-esponenti Laburisti jgħidu li kienet il-Kummissjoni Elettorali li qablet li jkun hemm reġistrazzjoni proviżorja.