Lokali

FILMAT: “M’inix se nibża’: determinat li nbiddel il-politika f’pajjiżna” – il-Kap tal-PN Simon Busuttil

“M’inix se nibża’, determinat li nbiddel il-politika f’pajjiżna”. Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq il-programm Net Live mxandar fuq Net Television.

Simon Busuttil iddeskriva r-reazzjoni tal-kumpanija li ħadet id-deal tal-art fejn illum hemm l-ITS għad-diskors tiegħu ilbieraħ fil-Marsa bħala waħda”selvaġġa”. Il-kumpanija hi waħda minn eluf ta’ kumpaniji u individwi li taw donazzjonijiet lill-PN. “Ħadd ma qalli,għax tani donazzjoni, biex nagħlaq ħalqi, għall-ewwel darba għamluha dawn.  Bl-SMS li rċieva, qal Simon Busuttil, jikbru s-suspetti li huma deal dubjuż. “Jekk tawna l-flus biex inżommu ħalqna magħluq, allura lil Joseph Muscat x’tawh, biex tahom dik il-biċċa art? Jekk qed tippretendi li nagħlaq ħalqi, ir-risposta tiegħi hi le, għax jien ma jien fil-but ta’ ħadd.”

Simon Busuttil kompla li wara li tkellem fil-pubbliku dwar l-SMS li rċieva, ir-reazzjoni tal-kumpanija għal dan kienet iktar selvaġġa. Hu qal li l-Kap Eżekuttiv ta’ DB Group ma qal xejn ġdid; “kull donazzjoni tmur għall-operat, l-attivitajiet tal-partit u s-salarji tal-ħaddiema.” “Il-Partiti politiċi jgħixu fuq donazzjonijiet, id-differenza hi li l-Partit Nazzjonalista hu onest u għamel dikjarazzjoni tad-donazzjonijiet filwaqt li l-Partit Laburista għadu lanqas irreġistra bħala partit politiku, bi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.”

Hu fakkar li l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan id-deal għal żewġ raġunijiet: l-ewwelnett, il-valur tal-art li hi prime site u t-tieni, li l-Gvern itrasferixxa l-art mingħajr ma ressaq riżoluzzjoni fil-Parlament.