Basketball Sport

Hibs ikomplu jittamaw fil-play-offs

Azzjoni mil-logħba bejn Starlites u Hibs (Ritratt: Adrian Farrugia)

Hibs kisbu t-tieni rebħa meta għelbu lil Starlites biex komplew iżommu t-tamiet tagħhom għal post fil-play-offs. BUPA Luxol irritornaw għar-rebħ kontra Floriana MCP Car Parks filwaqt li Gżira Athleta kisbu rebħa tajba fuq il-liders Cynergi Depiro.

 

Starlites…………………..76

Hibs ………………………..96

(19-27, 20-25, 15-20, 22-24)

Starlites: I. Mitrovic (10), R. Carabott (3), A. Schembri (8), M. Falzon (2), M. Felice Pace (8), N. Stankovic (27), J. Formosa (18), I. Felice Pace

Hibs: P. Attard (2), M. Hampton, E. Xuereb, L. Farrugia (12), S. Attard (3), I. Bonett, A. Micallef (16), M. Matijevic (13), S. Vella, F. Mariana (12), A. Lizuar (38)

Referees: B. Vassallo, C. Farrugia u Z. Dobrosevljec

Iż-żewġ timijiet riedu rebħa biex ikomplu jittamaw għal post fil-play-off. Kienu Hibs li għamlu użu tajjeb mit-tul tagħhom biex eliminaw lil Starlites hekk kif it-trio Lizuar, Matijevic u Mariani kienu dominanti taħt il-boards.

Wara bidu bilanċjat, Hibs ħadu l-logħba f’idejhom f’nofs l-ewwel sessjoni biex temmew is-sessjoni 27-19 minn fuq. Starlites bdew it-tieni sessjoni aħjar u disa’ punti mingħajr risposta naqset id-distakk għal ħames punti biss. Wara time-out, il-kowċ ta’ Hibs uża t-tliet barranin flimkien u din il-mossa għenet biex jirkupraw u jiddominaw sal-mistrieħ b’vantaġġ ta’ 52-39.

Wara bidu bilanċjat għat-tielet sessjoni, Starlites naqsu d-distakk fl-ewwel minuti għal tmien punti, Hibs żiedu l-pressjoni u b’Starlites jiżbaljaw fil-konklużjonijiet tagħhom, Hibs bdew l-aħħar sessjoni 72-54 minn fuq. It-tamiet ta’ Starlites intemmu meta Formosa weġġa’, b’Hibernians jikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom mingħajr diffikultà sat-tmiem.

 

Cynergi Depiro………..46

Gżira Athleta…………..77

(16-19, 7-14, 11-24, 12-20)

Depiro: N. Grech, D. Bugeja (5), R. Bonnici (7), A. Aquilina (6), D.J. Mason (13), T. Zammit, M. Mallia, A. Queroz (2), K. Xuereb (13), M. Borg, D. Scafidi

Gżira: M. Naudi (17), R. Vella (2), D. Camilleri (2), M. Williams (16), P. Shoults (23), L. Stefanovic, B. Zammit (2), S. Vincic (2), J. Whitehead (13)

Referees: E, Mangani, Z. Dobrosvejec u I. Marjanovic.

Il-liders Depiro kellhom ibaxxu rashom għas-superjorità ta’ Gżira, li ddominaw wara l-intervall biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika. Gżira ħarġu determinati biex ikomplu bil-progress wara perjodu xejn brillanti. Il-wasla tal-Amerikan Williams għenet biex Josiah Whitehead ikun jista’ jistrieħ, hekk kif l-Amerikan hu b’saħħtu taħt il-boards.

Wara bidu tajjeb ta’ Depiro, Gżira tjiebu biex ħadu kontroll u dawru r-riżultat sat-tmiem u temmew l-ewwel sessjoni 19-16 minn fuq. Il-logħba żvolġiet f’waħda bilanċjata u kien biss fl-aħħar minuti qabel il-mistrieħ li Gżira kabbru l-vantaġġ għal 33-23.

Kif bdiet it-tielet sessjoni minflok reazzjoni ta’ Depiro, kienu Gżira li ddominaw biex il-vantaġġ kiber għal 42-25. Time-out għen lil Depiro biex jirkupraw, iżda wara li qasmu l-logħob, kienu Gżira li fl-aħħar minuti kisbu l-aħħar seba’ punti biex bdew l-aħħar għaxar minuti 57-34 minn fuq. B’Depiro demoralizzati, Gżira ma kellhom diffikultà jikkontrollaw mingħajr diffikultà.

 

Bupa Luxol……………………….66

Floriana MCP CarParks……52

(12-14, 18-9, 19-11, 17-18)

Luxol: C.J. Cordina (5), M. Merceica (2), J. Maistre Mellilo, J.P. Schembri , K. Dimech (2), P. Cromptone (12), S. Deguara (35) , S. Capello (11)

Floriana: C. Patus (15), S. Pace, S. Borg (5), N. Vasovic (22), C. Calleja (2), A. Axiaq (5), A. Micallef Trigona, N. Andrejevic (3)

Referees: B. Vassallo, E. Mangani u S. Micallef

Luxol irritornaw għar-rebħa filwaqt li Floriana kkonfermaw li mhux għaddejjin minn mument tajjeb. Għalkemm Luxol reġgħu kienu mingħajr il-barrani Alhberg, huma użaw tajjeb it-tul ta’ Samuel Deguara biex aċċertaw minn post fil-play-offs.

L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata, b’Luxol jiddependu fuq il-baskets ta’ Deguara filwaqt li Chad Patus u l-eks Vasovic wieġbu għal Floriana li spiċċaw 14-12 minn fuq.

Il-logħba kompliet tkun bilanċjata fit-tieni sessjoni u seba’ punti mingħajr risposta għenu lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ seba’ punti li żammewh sal-mistrieħ. Bir-risposta ta’ Floriana wara l-mistrieħ ma tasalx, Luxol komplew ikunu ftit aħjar biex bil-mod kabbru l-vantaġġ tagħhom u bdew l-aħħar sessjoni 49-34 minn fuq.

Floriana kienu aktar determinati kif bdiet ir-raba’ sessjoni, iżda Luxol ikkontrollaw tajjeb u bil-basket ta’ Capello aċċertaw mir-rebħa.

 

Kampjonat MSV LIFE tan-nisa – Luxol jitilgħu fil-quċċata

Caffe Moak Luxol telgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lil Depiro. Fil-logħba l-oħra, Gżira Athleta rritornaw għar-rebħ kontra Hibs.

Luxol komplew bil-mument tajjeb tagħhom meta għelbu lil Depiro 50-38. Wara l-ewwel sessjoni bilanċjata li spiċċat indaqs 11-11, il-logħba kompliet bħall-ewwel għaxar minuti. Wara li Depiro marru 16-15 minn fuq, kien hemm reazzjoni ta’ Luxol li kisbu seba’ punti biex marru jistrieħu 22-18 minn fuq.

Il-vantaġġ ta’ Luxol kompla jikber għal tmien punti hekk kif bdiet it-tielet sessjoni. Ir-reazzjoni ta’ Depiro kienet kontrollata tajjeb minn Luxol li bdew l-aħħar għaxar minuti 33-25 minn fuq. Luxol ikkontrollaw tajjeb il-vantaġġ tagħhom fl-aħħar sessjoni biex rebħu 50-38.

F’logħba bilanċjata, Gżira Athleta rritornaw għar-rebħ filwaqt li poġġew lil Hibs fil-periklu li jispiċċaw barra mill-play-offs. L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata biex żewġ baskets fl-aħħar għenu lil Gżira jagħmlu l-iskor indaqs.

Hibs kellhom bidu tajjeb għat-tieni sessjoni u marru 23-14 minn fuq, iżda Gżira tjiebu u naqsu d-distakk għal 33-32 sal-mistrieħ. Gżira komplew fejn ħallew wara l-mistrieħ biex marru 41-36 minn fuq.

Hibs irkupraw iżda ma kienx biżżejjed hekk kif Gżira bdew b’vantaġġ żgħir ta’ 52-46. Hibs komplew jissieltu u saħansitra kienu 66-62 minn fuq sa żewġ minuti mit-tmiem. Iżda hawn Hibs għamlu xi żbalji u ppermettew lil Gżira jiksbu l-aħħar disa’ punti tal-logħba, biex rebħu 71-66.