Ewropa Internazzjonali

Il-Polonja kontra l-konferma ta’ Tusk

Il-Gvern Pollakk mhux favur li Donald Tusk, li hu Pollakk, jiġi kkonfermat bħala President tal-Kunsill Ewropew. Dan hekk kif Tusk qed jipprova jikseb mandat ieħor ta’ 30 xahar.
Minflok, il-Gvern Polakk ressaq kandidat alternattiv. Dan hu Jacek Saryusz-Wolski. Fil-kariga preżenti tiegħu, Tusk mistenni jkollu rwol importanti.
Iżda Manfred Webber, li jmexxi l-blokk taċ-ċentru-lemin tal-PPE, qal li l-grupp kien qed jappoġġja lil Tusk, u jekk Saryusz-Wolski ma jirtirax il-kandidatura, hu kien lest ikeċċih mill-grupp.
Tusk kien inħatar fl-2014 u l-mandat tiegħu jintemm fil-31 ta’ Mejju. Jekk il-mexxejja tal-UE jappoġġjawh nhar il-Ħamis, hu jingħata mandat ieħor ta’ 30 xahar. Dan il-mandat jintemm fit-30 ta’ Novembru tal-2019. U matul dan il-perjodu se jkunu qed isiru t-taħditiet għall-Brexit – il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.