Lokali Parlament

Ir-reviżjoni tar-regoli dwar tal-ħwienet għandha tkun effettiva – Edwin Vassallo

Il-Parlament - Mill-Arkivji

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella lill-gvern biex issa li se terġa’ ssir reviżjoni tar-regolamenti dwar il-ftuħ tal-ħwienet nhar ta’ Ħadd, dawn ir-regolamenti jsiru b’mod li jkun effettiv u li jħallu riżutati pożittivi.

Fl-Aġġornament tat-Tnejn Edwin Vassallo qal li din hi r-raba’ sena tal-Gvern Laburista u issa jridu jibdew isiru l-kontijiet dwar il-wegħdi li kienu saru qabel l-aħħar elezzjoni. Hu tkellem dwar ir-regoli għall-ftuħ tal-ħwienet il-Ħadd u qal li hu pożittiv li dawn se jkunu riveduti minħabba li ma kinux qed jaħdmu tajjeb u kellhom jinbidlu wara ftit ġimgħat.

Hu qal li r-regoli li kienu pubblikati saru wara sentejn u nofs ts’ konsultazzjoni pubblika u staqsa għaliex żewġ ministeri flimkien għamlu regoli għal sempliċi liġi u issa se jinbidlu u se jerġgħu jsiru mill-ġdid. Raġuni wara dan hi n-nuqqas ta’ kompetenza fit-tfassil tar-regoli. Hu appella biex ma jerġgħux isiru l-iżbalji li saru.

Edwin Vassallo kompla li r-regoli ma kellhomx l-infurzar meħtieġ u kienu jispeċifikaw li l-ħwienet iridu jagħlqu ġurnata fissa fost il-ġimgħa meta jiftħu l-Ħadd. Hu qal li ma kien hemm l-ebda ħanut li għalaq fost il-ġimgħa waqt li kien hemm biss erba’ ħwienet biss li ħallsu s-€700 stipulati għal min jiftaħ il-Ħadd u ma jagħlaqx fost il-ġimgħa.

Ir-regoli ma setgħux ikunu attwati għax ma kinux tajbin għal tal-ħwienet. Fost l-ikbar problemi kien hemm l-interess tal-ħaddiema għaliex ħafna ħaddiema fil-ħwienet mhumiex fil-unions.

Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li hemm problema ta’ garanzija tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema involuti. Hu awgura li l-Gvern jirranġa r-regoli u ppropona li sakemm dan isir għandu jitneħħa l-obbligu li kull min irid jiftaħ irid iħallas is-€700 u appella biex jitħarsu d-drittijiet kollha tal-ħaddiema u tal-konsmaturi flimkien ma’ dawk tas-sidien.