Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Imsida, akkużat li kkorrompa tliet tfajliet minorenni, tpoġġa taħt ordni ta’ probation. Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien tressaq akkużat li fit-8 ta’ Ottubru 2015 u fil-jiem ta’ qabel, mess it-tliet tfajliet b’mod mhux xieraq meta kienu taħt il-kura tiegħu.
L-eta’ tat-tliet tfajliet tvarja bejn it-12 u s-17-il sena u jirriżulta li waħda mit-tfajliet hi bint is-sieħba tal-akkużat. Ir-raġel kien akkużat ukoll li ħa sehem f’attivita’ sesswali ma’ minorenni u li kien fil-pussess ta’ materjal pornografiku li jinkludi minorenni.
Għaldaqstant, filwaqt li ħadet nota li l-akkużat kien diġa’ ingħata sentenza minn Qorti oħra, il-Qorti ordnat li r-raġel jitpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin u kien ikkundannat ukoll iħallas €617 fi spejjeż tal-esperti tal-Qorti. Isem ir-raġel tniżżel fir-reġistru tal-persuni li nstabu ħatja ta’ reati ta’ natura sesswali.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Roderick Agius. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-akkużat.
//= $special ?>