L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimovic u d-difensur ta’ Bournemouth Tyrone Mings, ġew akkużati mill-FA Ingliża, wara l-inċidenti ta’ bejniethom fil-logħba bejn Manchester United u Bournemouth tas-Sibt li għadda.
Fil-logħba ta’ Old Trafford, kien hemm żewġ inċidenti li serqu l-attenzjoni hekk kif l-ewwel, id-difensur rifes b’siequ fuq ras l-Iżvediż, filwaqt li ftit wara, Ibrahimovic ta daqqa ta’ minkeb lil Mings. Iż-żewġ plejers instabu ħatja ta’ kondotta vjolenti u għandhom sas-6.00pm tal-lum biex jirrispondu.
Mings jista’ jara s-sospensjoni titwal jekk l-akkuża kontrih tintlaqa’, bl-FA Ingliża tgħid li t-tliet logħbiet sospensjoni għal kondotta vjolenti li hi r-regola, titqies bħala mhux biżżejjed.
Fir-regoli tad-dixxiplina tal-FA Ingliż, f’inċident li l-uffiċjali tal-logħba ma jkunux raw, l-istess sitwazzjoni tiġi analizzata minn tliet eks referees u qabel ma tinħareġ is-sentenza, kollha jridu jaqblu li kellha tintwera l-karta l-ħamra.
Dan ifisser li hemm possibbiltà li Ibrahimovic jitlef il-kwarti tal-finali tal-FA Cup ta’ nhar it-Tnejn li ġej kontra Chelsea, kif ukoll il-logħbiet tal-Premier League kontra Middlesbrough u West Bromwich Albion.
//= $special ?>