Lokali

L-MIA fost l-aqwa ħames ajruporti fl-Ewropa

Riżultati eċċellenti għall-MIA

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb it-tielet post fl-istħarriġ Airport Service Quality (ASQ) tal-2016. Għal dawn l-aħħar snin l-MIA dejjem sab postu mal-aqwa ħamsa fil-kategorija tal-aħjar Ajruport skont ir-Reġjun. L-ASQ huwa l-uniku programm dinji li jagħmel stħarriġ fost il-passiġġieri fl-ajruporti fil-ġurnata tal-vjaġġ tagħhom. Kull sena, bħala parti mill-Programm jitqassmu mas-600,000 stħarriġ individwali f’41 lingwa f’84 pajjiż.

Dan ir-riżultat ġie ppublikat fi stqarrija mill-Ajrupost Internazzjonali ta’ Malta.

Fl-istqarrija jingħad li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb l-ogħla punteġġ tiegħu sal-lum f’dan l-istħarriġ, li jkejjel is-sodisfazzjon b’mod ġenerali tal-passiġġieri bl-esperjenza tagħhom fl-ajruport, li tinkludi l-effiċjenza u l-korteżija tal-istaff u l-faċilitajiet tal-ajruport.

Fit-tielet post wkoll ġew l-ajruporti ta’ Dublin, Porto u Zurich.

Fl-istqarrija il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg qal li l-fatt li nkiseb dan ir-riżultat juri kif dejjem qed ifittxu li jagħtu servizz eċċellenti, qed jirnexxielhom wkoll jilħqu aħjar l-aspettattivi tal-passiġġieri meta jkunu għaddejjin mill-ajruport ta’ Malta.