Lokali Qorti

Persuni qed javviċinaw pazjenti biex jiffirmaw favur l-ewtanasja

Persuni li huma membri ta’ għaqda favur l-ewtanasja qegħdin jitħallew javviċinaw pazjenti vulnerabbli fl-isptarijiet bil-għan li jiffirmaw petizzjoni favur l-ewtanasja.

Stqarr dan l-Avukat Tonio Azzopardi fi protest ġudizzjarju fil-kapaċita’ personali tiegħu kontra s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa fejn sostna li iktar ma jarawhom imtaqqlin bil-mard, miġugħin, fraġli u bi ftit tam, iktar jippruvaw jipperswaduhom biex jibdew iħaddnu twemmin favur l-ewtanasja u jiffirmaw petizzjoni favur l-introduzzjoni tal-ewtanasja f’Malta.

Il-Protest ikompli li dan l-atteġġjament huwa kuntrarju għad-dritt tal-ħajja kif imħares mill-Konvenzjoni Ewropea favur id-Drittijiet tal-Bniedem. L-Avukat Azzopardi kompla li dan l-aġir hu tisħiħ tal-volonta biex jitwettaq intenzjonalment att illegali li jġib fit-tmiem il-ħajja umana u jammonta għal kompliċita’.

Għaldaqstant, il-protest qed isejjaħ sabiex jitwaqqaf dan l-abbuż minnufih.

Intant f’appell lill-Gvern biex iniedi investigazzjoni indipendenti il-Fondazzjoni Gift of Life qed issejjaħ lill-Gvern biex iniedi investigazzjoni indipendenti dwar din is-sitwazzjoni serja mingħajr dewmien.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni sejħet ukoll lill-qraba ta’ pazjenti vulnerabbli, li jekk għandhom suspett li dawn il-persuni kellmu lill-għeżież tagħhom, jibgħatulhom mingħajr dewmien fuq info@pvmalta.com. Hija qalet li din l-azzjoni tieħu biss vantaġġ minn dawk vulnerabbli.

Il-Fondazzjoni esprimiet id-diżappunt tagħha dwar din l-allegazzjoni u stqarret, li jekk jiġi kkonfermat, din hija sitwazzjoni allarmanti, illegali u bla ebda etika. Hija spjegat li din tista’ tfisser ukoll li hemm xi ftehim bejn dawk li jippromwovu l-ewtanasja u kif ukoll l-awtoritajiet.