Lokali Parlament

Prijorità għall-effettività u l-infurzar tal-liġijiet tat-traffiku

– Kristy Debono PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li li l-effettività u l-infurzar tal-liġijiet tat-traffiku jistgħu tkun soluzzjoni quddiem l-isfidi fis-settur tat-traffiku u għalhekk il-liġijiet għandhom ikunu iktar rilevanti u iktar effettivi biex is-sewwieqa jkunu konxji li l-vetturi huma armi meta dawn jinstaqu b’mod skorett u b’abbuż.

Meta kienet qed titkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Abozz ta’ Liġi li Jemenda l-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku Kristy Debono qalet li t-traffiku hu opportunità mitlufa għax l-infrastruttura inferjuri qed tostakola l-investiment.

Hi tkellmet dwar is-sigurtà fis-sewqan fil-kuntest tal-infrastruttura mhux ta’ livell li wkoll qed teffettwa s-sigurtà tat-toroq u qalet li missierha kien vittma ta’ inċident fatali tat-traffiku 19-il sena f’San Ġwann; liema inċident kien wieħed mill-ftit dak iż-żmien. Minkejja l-bidliet fil-liġijiet, is-sena li għaddiet biss kien hawn 23 inċident fatali u 6,500 inċident ieħor; medja ta’ 18-il inċident kuljum. Hi qalet li taqbel ma’ pieni iktar b’saħħithom għal min jabbuża.

Kristy Debono kompliet li l-vetturi misjuqa ħażin huma armi f’idejn ix-xufiera. Fl-2017 kull ġimgħa seħħ inċident tat-traffiku. Ir-realtà hi li l-vetturi qed jiżdiedu bil-ħajja ssir iktar mgħaġġla b’iktar distrazzjonijiet waqt is-sewqan. Dan flimkien mal-frustazzjoni tat-traffiku.

Għalhekk id-deċiżjonijiet iridu jkunu qawwija u s-soluzzjonijiet iridu jkunu ħolistiċi. L-infurzar effettivi u l-liġijiet huma l-aktar rilevanti biex tkun assigurata s-sigurtà fit-toroq. Ħafna inċidenti jseħħu minħabba nuqqas ta’ konċentrazzjoni fit-toroq u veloċità eċċessiva.

Dwar il-punteġġ li se jidħol fis-sistema, Kristy Debono qalet li min ma jitgħallimx mill-iżbalji għandu jkollu l-każi tal-passat ikkunsidrati anki jekk ma jseħħux fl-istess sena. Hi semmiet in-negliġenza ta’ terzi persuni u qalet li hemm problema kbira ta’ vetturi li jkunu ipparkjati b’mod ħażin bil-konswegwenza li x-xufiera ma jkunux qed jaraw lill-persuni li jkunu qed jaqsmu.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-importanza tal-miżuri meħtieġa f’ċertu toroq residenzjali. Ir-residenti għandu jħossuhom protetti minn sewqan perikoluż u għalhekk il-kunsilli lokali għandu jkollhom il-finanzjament meħtieġ biex jieħdu dawn l-inizjattivi. Hi semmiet diversi problemi li hemm fis-Swieqi fosthom nuqqas ta’ dwal u appellat biex jissolvew il-problemi ta’ ħofor fit-toroq li qed jikkaġunaw diffikultajiet fis-sewqan.

Kristy Debono qalet li hu tajjeb li jitnaqqsu l-abbużi f’każi ta’ liċenzji skaduti u sostniet li l-akbar problema hi fl-eluf ta’ vetturi barranin bil-permessi skaduti. Fost dawn hemm il-vetturi bi pjanċi Għarab li jkollhom in-numri ma jingħarfux u li jwettqu abbużi kbar fit-toroq.