Lokali

Titwaħħal speed camera fil-bypass tas-Siġġiewi

Se tibda topera minn jumejn oħra

Fil-bypass tas-Siġġiewi ġiet installata ‘speed camera’ li se tibda taħdem minn nhar l-Erbgħa 8 ta’ Marzu 2017, jiġifieri jumejn oħra.

Dan tħabbar mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi f’post fuq Facebook, fejn sar appell lis-sewwieqa biex isuqu b’mod responsabbli u ma jaqbżux il-limitu ta’ veloċità ta’ 60 kilometru fis-siegħa.

Fil-ġimgħat li għaddew, kuntrattur imqabbad mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi biddel it-tabelli kollha fil-bypass tas-Siġġiewi bi tħejjija għal meta tibda taħdem l-ispeed camera f’din it-triq. It-tabelli saru biex is-sewwieqa kollha jkunu mħeġġa jsuqu b’mod prudenti u responsabbli u sabiex ikunu avżati li hemm speed camera f’din it-triq.

Id-deċiżjoni biex titwaħħal speed camera fis-Siġġiewi ttieħdet wara studju li juri numru ta’ fatturi, fosthom l-ammont ta’ inċidenti li seħħew fiż-żona. Filfatt, l-istudju li kien tħejja minn espert imqabbad mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kkonferma l-bżonn li tiġi installata speed camera f’din it-triq.

L-istudju li tħejja mill-konsulent Bjorn Bonello kkunsidra d-diversi modi kif qed tintuża t-triq fil-preżent kif ukoll għamel analiżi tal-inċidenti li seħħew matul l-aħħar 3 snin. L-istudju kien sab li numru kbir ta’ sewwieqa jsuqu b’veloċità eċċessiva fil-ħinijiet u l-ġranet kollha tal-ġimgħa. B’mod partikolari ġie stabbilit li f’85% tal-każijiet ikun hemm sewqan b’mod eċċessiv u għalhekk perikoluż. Apparti minn hekk, kien instab li f’din it-triq diġà seħħew għadd kbir ta’ inċident u matul l-aħħar 3 snin biss tilfet ħajjitha persuna, numru kbir ta’ persuni sofrew ġrieħi gravi kif ukoll saret ħsarat lil numru kbir ta’ residenzi privati.

It-tħejjijiet għall-installazzjoni tal-ispeed camera kienu bdew fi Frar li għadda, wara li Transport Malta kienet approvat il-pjan.