Futbol Sport

Valletta St Pauls u Marsa jżommu l-konsistenza fil-kampjonat tal-MAFA

Azzjoni mil-logħba bejn Valletta St Pauls u Santa Lucia Falcons (Ritratt: Warren Sammut

L-isfidanti ewlenin għat-titlu finali, Marsa St Michael u Valletta St Pauls, komplew bit-triq tar-rebħ wara li xejnu għal kollox l-isfida ta’ Senglea Gunners u Santa Lucia Falcons rispettivament. Dawn ir-riżultati kkonfermaw l-ambizzjonijiet għar-rebħ tal-kampjonat miż-żewġ timijiet li jista’ jiġi deċiż fil-konfront dirett li se jintlagħab ftit tal-ġimgħat oħra.

Il-leaders Marsa ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Senglea Gunners 5-2 f’partita li ġiet iddominata mill-bidu sal-aħħar mit-tim immexxi minn Malcolm Tirchett. Fattur interessanti hu li Senglea Gunners kellhom tmien plejers biss fl-iskwadra tagħhom.

Marsa ħadu biss minuta biex marru minn fuq permezz ta’ Philip Taylor, bl-istess plejer jirdoppja l-iskor għaxar minuti wara. It-tim mill-Isla bdew isibuha diffiċli jżommu l-attakkanti perikolużi Marsin u hawn daħal fix-xena l-iskorer prolifiku Ricardo Severino li fit-30 minuta għamilhom 3-0, riżultat li biha ntemmet l-ewwel taqsima.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, St Michael komplew jiskorjaw u din id-darba kien imiss lil Hans Bayima Nelson li jsib ix-xibka biex għamilhom 4-0. Senglea Gunners issa ma kellhom xejn x’jitilfu u bdew ikunu iktar avventurużi lejn il-lasti Marsin tant li fid-59 minuta, Clint Ellul naqqas il-marġni tal-iskor.

Marsa ma nħasdux u fit-63 minuta skorjaw il-ħames gowl grazzi għal Keiston Theuma wara azzjoni maħduma ferm tajjeb. Żewġ minuti qabel tmiem il-partita, Clint Ellul għaqqad doppjetta personali għal Senglea u għamel l-iskor aktar rispettabbli għat-tim tiegħu.

B’din ir-rebħa Marsa baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika hekk kif żammew it-tliet punti vantaġġ fuq Valletta St Pauls li min-naħa tagħhom irrispondew b’rebħa tennistika ta’ 6-2 fuq Santa Lucia Falcons. Il-Beltin kellhom il-kontroll assolut tal-logħba tant li fi spazju ta’ ħames minuti, bejn it-tielet u t-tmien minuta, skorjaw żewġ gowls permezz ta’ Lee Cumbo u Kane Psaila. Santa Lucia għamlu reazzjoni u fis-17–il minuta naqqsu l-iskor permezz ta’ Nicola Micojevic.

Valletta baqgħu jkunu aggressivi tant li kien Kane Psaila li skorja t-tieni gowl personali tiegħu u għamilhom 3-1. Il-gowls baqgħu ġejjin u erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima kien Leandro Camilleri li żied ieħor għas-St Pauls.

Santa Lucia ttantaw iwieġbu għad-dominju Belti u fil-45 minuta rnexxielhom jerġgħu jsibu x-xibka permezz ta’ Mladen Lazic. It-tim mill-Kapitali kompla jżomm sod u kien imiss lil Cruyff Grixti li skorja doppjetta biex issiġġilla l-iskor finali favur it-tim tiegħu.

 

Klassifika tal-ewwel diviżjoni

Marsa St. Michael 24 punt, Valletta St Pauls 21 punt, Senglea 14-il punt, Santa Lucia Falcons 9 punti

 

Klassifika tat-tieni diviżjoni

Fleur de Lys CFK 11-il punt,  Qormi Hotspurs 9 punti, Tal-Qroqq Versity 8 punti, Mqabba Albions 7 punti, Valletta Stars 5 punti.