L-imprenditur Silvio Debono li bħalissa jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu kbir li jinvolvi t-trasferiment tal-art fejn hemm l-ITS f’San Ġiljan mill-Gvern lill-kumpanija li fiha hu s-shareholder ewlieni, nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar mar barra minn Malta biex jixtri karozza Maserati u miegħu ħa lil Ivan Portelli li l-Gvern Laburista ħatru Direttur tal-Operazzjonijiet tad-Dipartiment tal-VAT fl-2013.
Hu żamm dik il-kariga sa Diċembru li għadda meta tmexxa għall-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa fil-Furjana bħala direttur/amministrazzjoni għad-Dwana, il-VAT u l-Inland Revenue.
Dan joħroġ minn artiklu fir-Running Commentary tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ivan Portelli li kien uffiċjal tal-Pulizija, kien tkeċċa mill-Korp tal-Pulizija flimkien ma David Gatt wara li kien tressaq il-Qorti akkużat f’kompliċità f’serqa minn bank mill-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.
Pulizija fis-Servizz tas-Sigurtà li kienu qed jagħmlu sorveljanza ta’ kriminali suspettati u kienu qed jiffilmjaw b’mod sigriet lil dawn is-suspettati sejrin abbord jott, irealizzaw li Ivan Portelli kien fosthom.
Ivan Portelli kien qal lill-Kummissarju Rizzo li kien mar hemm biex iġib l-informazzjoni imma kien inqabad ukoll jitkellem b’mod familjari ma individwi li kienu qed jiġu sorveljati mill-Pulizija f’telefonati li kienu tapped.
Wara Ivan Portelli u David Gatt kienu ressqu każ Kostituzzjonali fejn qalu li l-Kummissarju Rizzo kien keċċihom mill-Korp u huma kienu rebħu l-każ xi snin wara minħabba teknikalità u l-Qorti ordnat li huma kellhom jerġgħu jidħlu fil-Korp. Portelli kien ingħata post ieħor fis-servizz pubbliku u David Gatt kien laħaq avukat.
Meta Daphne Caruana Galizi staqsiet lil Silvio Debono dwar iż-żjara barra minn Malta biex jixtri l-Maserati u li miegħu kien ħa lil Ivan Portelli, Debono beda jgħajjarha u jinsulentaha.
Hi qalet ukoll li kitbet lil Lou Bondi li hu PR and Communication ta’ Silvio Debono u staqsietu għaliex Silvio Debono ħa miegħu lil Ivan Portelli u jekk ħallaslux il-vjaġġ. Imma ma ingħatax risposta għal dawn il-mistoqsijiet.
Sadattat f’artiklu ieħor fuq il-blogg tagħha, Daphne Caruana Galiza żvelat li mid-dokumenti tal-iskandlu tal-Panama Papers, Silvio Debono kellu kumpanija sigrieta fil-British Virgin Island sa minn Lulju tas-sena 2001 u l-kumpanija twaqqfet minn Mossack Fonseca.
//= $special ?>