Il-Kummissjoni se titmexxa mill-Imħallef Giovanni Bonello
F’kummenti lill-ġurnalisti waqt li qed iżur il-Careers and Research Expo fl-Universita’ ta’Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħatar lill-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello biex imexxi Kummissjoni independenti mwaqqfa apposta biex tippreżenta proposti dwar il-finanzjament tal-partiti poliċiti u tal-politiċi sabiex titnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni wara se jiddaħlu fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-PN ħabbar dan meta kien qed jiġi mistoqsi dwar il-każ ta’ DB Group.
Simon Busuttil qal li huwa jistenna proposti li jwasslu għal bidla radikali u wiegħed li l-proposti li jiġu ppreżentati minn din il-Kummissjoni indipendenti se jaċċettahom, ikunu xi jkunu, u se jara li jiddaħħlu fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista. B’hekk ikun il-poplu li jiddeċiedi jekk iridx il-politika korrotta ta’ Joseph Muscat jew politika ġdida u nadifa.
Simon Busuttil qal li huwa mhux se jħalli għaddej dak li ġara f’dawn l-aħħar jiem minn meta ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jieħu l-kwistjoni tad-deal tal-ITS għand l-Awditur Ġenerali għall-investigazzjoni tiegħu u lanqas it-theddid li rċieva minħabba din il-pożizzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li t-tweġiba tiegħu hija li mhux se jħalli lil ħadd jixtrih għax ikun ħallas donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li r-realtà hi li l-partiti politiċi jgħixu bid-donazzjonijiet mingħand in-nies, kemm jekk individwi, familji jew nies tan-negozju. Din hija sistema li ma ħoloqx hu imma li determinat li jbiddel. Huwa għalhekk li fis-siegħat li ġejjin se jkun qed jitkellem ma’ Giovanni Bonello biex jiddiskuti t-terms of reference tal-Kummissjoni, kif ukoll sabiex jinħatru l-membri l-oħra.
//= $special ?>