Illum għall-ħabta tal-11:15am il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn ħanut fi Triq il-Kbira, f’Ħal Balzan.
Il-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkata marru minnufih fil-post u minn stħarrig preliminari li sar, irriżulta li żewġt irġiel libsin hoodie, daħħlu fil-ħanut u ħadu xi flus kontanti mill-cash register.
Wieħed mill-irġiel kien allegatament armat b’arma tan-nar.
Sid il-ħanut, mara ta’ 73 sena u klijent li kienu fil-ħanut fil-ħin tas-serqa, ma sofrew l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Din hija t-tieni serqa li seħħet fl-aħħar 24 siegħa, wara s-serqa tal-bieraħ minn ħanut fir-Rabat. Fl-aħħar jiem irrappurtajna ukoll diversi serqiet li seħħew f’lokalitajiet varji bħal Ħal Qormi u s-Swieqi, liema każi qed ikunu investigati mill-Pulizija.
