Il-kampjonat MSV Life tal-Masters kompla jkun interessanti, bl-erba’ timijiet ta’ fuq joffru futbol divertenti u ta’ livell għoli fejn probabbli kienu l-aħjar logħob tal-istaġun. Fuq kollox spikka l-ispirtu sportiv mit-timijiet.
Konfront interessanti kien bejn Mosta Shaggys Pub u Dingli Desana fejn offrew logħba ta’ klassi logħba għolja u forsi l-aħjar tal-kampjonat. Ir-riżultat ta’ draw kien ġust b’Mosta jibqgħu mingħajr telfa filwaqt li Dingli kisbu l-ewwel draw wara 11-il partita.
Mosta kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima u ħadu vantaġġ ta’ 3-1. Huma bdew jagħmlu pressjoni qawwija, b’Ibrahim Tarik u Ricardo Severino jispikkaw fejn kienu dejjem perikolużi.
Fit-tieni taqsima, Dingli lagħbu aħjar b’Carlo Mamo jkollu wirja stupenda fid-difiża, bl-għajnuna ta’ Branko Nisevic, filwaqt li Tarik kien l-aħjar għal Mosta, fejn ġie mċaħħad mill-gowl diversi drabi, b’Jeffrey Chetcuti jkun tajjeb fid-difiża.
Partita oħra missielta dik bejn Wardija u Birkirkara, b’Wardija joħorġu rebbieħa 10-8. It-tnejn lagħbu l-logħba tagħhom, b’Wardija jkunu ftit aħjar biex kisbu l-punti. It-tim kien kompatt, b’Michael Borg Olivier u Demis Tonna joħolqu paniku kull meta kellhom il-ballun. Michael Borg Olivier spikka b’ħames gowls filwaqt li ġie mċaħħad tliet darbiet mil-lasta.
Birkirkara kienu bdew tajjeb fejn saħansitra marru 3-0 minn fuq, iżda meta l-magna ta’ Wardija bdiet taħdem, mhux biss kisbu l-gowls, iżda baqgħu dejjem jippressaw. Fit-tieni taqsima għalkemm Birkirkara pruvaw, ma sabux kif iwaqqfu lil Wardija li baqgħu jiskorjaw, bl-aħħar tnejn jispiċċaw biex ikunu deċiżivi.
Marsa White Stars Barilla, irreġistraw rebħa oħra tajba ta’ 8-5 kontra t-tim modest ta’ Medlita Celtics. Marsa lagħbu bl-aħjar sitta u taw wirja tajba fejn sal-ewwel taqsima, kienu ħadu vantaġġ ta’ 6-3. Iżda fit-tieni taqsima naqsu r-ritmu wara li Melita żiedu l-pressjoni. L-aħjar plejer kien bla dubju James Galea ta’ Marsa awtur ta’ tripletta.
Rabat kisbu rebħa importanti iżda ma kellhomx rebħa faċli, b’Jival juru progress mill-aħħar partiti tagħhom. Għal Jival għamel id-debutt il-barrani Faber John li kellu debutt feliċi f’partita li ntlagħbet fi spirtu sportiv.
Żurrieq Wolves u Melita Celtics issieltu fi draw ta’ 7-7. Ir-riżultat kienu ġust f’partita bilanċjata b’Roderick Caruana ta’ Żurrieq u Timothy Ellis għal Melita jkunu l-aħjar plejers tat-tim tagħhom.
Klassifika
Dingli 25 punt, Mosta 25 punt, Wardija 23 punt, Rabat 23 punt, Marsa 19-il punt, Birkirkara 17-il punt, Valletta 15-il punt, Żabbar 10 punti, Jival 9 punti, Melita 6 punti, Żurrieq 5 punti, Tal-Qroqq 3 punti
//= $special ?>