Futbol Sport

Ibrahimovic sospiż tliet logħbiet

L-ewwel logħba li Ibrahimovic se jitlef hi kontra Chelsea

L-attakkant ta’ Manchester United Zlatan Ibrahimovic ġie sospiż tliet logħbiet wara li ammetta mal-FA Ingliża, l-akkuża ta’ kondotta vjolenti. L-Iżvediż kien akkużat li ta daqqa ta’ minkeb lil Tyrone Mings fil-logħba tas-Sibt li għadda f’Old Trafford, mumenti wara li d-difensur ta’ Bournemouth rifes fuq ras l-attakkant.

Inizjalment, Ibrahimovic kien qal li Mings daħal fil-minkeb tiegħu, iżda għażel li ma jissilitx kontra l-akkuża u se jibda s-sospensjoni b’effett immedjat. Għaldaqstant, l-aqwa skorer tal-istaġun ta’ Manchester United, se jkun qed jitlef il-kwarti tal-finali tal-FA Cup kontra Chelsea, u l-partiti mill-Premier League Ingliż kontra Middlesbrough u West Bromwich Albion. Iżda hu se jkun disponibbli għal partiti tal-Europa League kontra FC Rostov.

Mings ukoll kien akkużat wara d-draw ta’ 1-1, u għażel li jappella, bl-FA Ingliża targumenta li l-offiża tiegħu hi aktar minn ta’ tliet logħbiet sospensjoni.