Il-qawwiet tal-Iraq qalu li ħatfu lura l-kontroll tal-uffiċini ewlenin tal-Gvern fil-belt ta’ Mosul meta qed tkompli l-offensiva tal-Armata kontra t-terroristi tal-ISIS fil-Punent tal-pajjiż.
L-avvanzi tal-militar Iraqi jistgħu jwittu t-triq għal attakk deċiżiv fuq il-kwartier antik ta’ Mosul fejn qed jgħixu numru sostanzjali ta’ residenti u fejn għad hemm preżenza qawwija ta’ terroristi fanatiċi. Il-belt ta’ Mosul hi l-aħħar fortizza tal-ISIS fl-Iraq, wara li l-Armata, fil-bidu tas-sena, irnexxielha taħtaf is-setturi tal-Lvant ta’ din il-belt.
Ir-residenti ta’ Mosul li kienu intervistati qalu li l-lejl li għadda ġab miegħu l-aktar bumbardamenti intensivi fuq Mosul mindu l-Armata, fis-19 ta’ Frar, bdiet l-offensiva kbira biex tieħu lura l-aħħar zoni kontrollati mill-ISIS fil-Punent tal-belt. Is-suldati Iraqqin, matul il-lejl, anki wettqu attakk sorpriża fuq il-bini tal-Gvern fl-inħawi u għalkemm l-istrutturi huma fil-parti kbira meqrudin, il-ħtif rappurtat tagħhom mill-Armata jirrappreżenta trijonf strateġiku u importanti għall-militar Iraqi.
Sadanittant, l-aħħar rapporti minn Mosul qalu wkoll li l-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi wasal f’din il-belt aktar kmieni dalgħodu.
//= $special ?>