Il-Malasja qed tipprojbixxi li ċ-ċittadini tal-Korea ta’ Fuq f’artha jitilqu ‘il barra mill-pajjiż, wara li l-Korea Komunista ħadet l-istess pass għall-Malasjani fit-territorji tagħha.
L-iżviluppi straordinarji huma riżultat tal-kriżi dovuta għall-qtil, ġimgħat ilu, ta’ Kim Jong-nam, ħu l-President tal-Korea Komunista, li kien seħħ fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur.
Fl-istess ħin, ir-reġim Komunista ta’ Pyongyang hu rappurtat bħala ‘ferm irrabjat’ talli l-Malasja kompliet tinvestiga l-mewt ta’ Kim minn sustanza velenuża li mara fl-ajruport kienet ċappsitlu ma’ wiċċu. Filwaqt li l-Malasja għadha ma akkużatx direttament lill-Korea ta’ Fuq dwar il-qtil ta’ ħu l-Mexxej (Korean) Komunista, qed tiżdied l-ispekulazzjoni li r-reġim fi Pyongyang jista’ jkun responsabbli.
Il-Korea ta’ Fuq tal-President Kim Jong-un qed tiċħad l-akkuża, bit-tilwima bejn il-pajjiżi tiħrax minn jum għal ieħor. Element ieħor ‘jaħraq’ tat-tilwima jinvolvi min, bejn il-Malasja u l-Korea ta’ Fuq, għandu ‘id-dritt’ fuq il-katavru ta’ Kim Jong-nam.
Intant, il-Korea ta’ Fuq qalet li ‘iċ-ċittadini Malasjani kollha fl-artijiet tagħha qed ikunu projbiti milli jitilqu għal żmien temporanju u sakemm tintlaħaq ‘soluzzjoni’ għall-inċident fl-ajruport tal-Malasja’. Pyongyang qed jgħid li l-pass ittieħed ‘għas-sigurtà taċ-ċittadini u d-diplomati Malasjani kollha, li se jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom bħas-soltu’.
Iżda l-Prim Ministru Malasjan, Najib Razak, qal li l-pass ta’ Pyongyang ‘hu wieħed ta’ stmerrija li ma jirrispettax il-liġi internazzjonali’ u li l-Malasjani, effettivament, ‘qegħdin jinżammu ostaġġ fil-Korea ta’ Fuq.
//= $special ?>