Lokali

“Inkwetanti l-assenza tan-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li n-nuqqas tan-nisa minn pożizzjonijiet ta’ tmexxija u l-implikazzjonijiet tad-diskriminazzjoni qed jikkawżaw allarm. Hija qalet li ma tistax tippermetti li jkun hemm diskussjoni fuq il-perspettivi tan-nisa u n-nisa jkunu assenti mit-tfassil għall-politika li tolqot lilhom.

Il-President qalet li hija nkwetanti tassew li skont l-aħħar statistika tan-Nazzjonjiet Uniti, ir-rappreżentanza femminili fil-gvern globali kienet ta’ 23%. F’Malta, il-persentaġġ ta’ Membri Parlamentari nisa huwa inqas minn 13%.

Il-President Coleiro Preca qalet li l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn dawk ta’ pajjiżi Ewropew oħra u Malta hija ta’ 29.4% meta fl-UE l-medja kienet ta’ 49.8%.

Hija qalet li llum lejliet il-Jum Dinji tal-Mara dan għandu jiġbed l-attenzjoni lil dawk konċernati u kif ukoll appellatt lill-partiti politiċi kollha f’Malta, biex jinkoraġġixxu aktar nisa biex jieħdu sehem fil-ħajja politika u pubblika tal-pajjiż.