Lokali

Intervista: Ivan Milosevic iġġieled il-Gwerra tal-Kosovo u seta’ nqatel darbtejn

Bejn Marzu tal-1998 u Ġunju tal-1999 id-dinja rat wieħed mill-iktar kunflitti mdemmija fl-istorja – f’perjodu ta’ sena u tliet xhur, il-Gwerra tal-Kosovo ħasdet il-ħajja ta’ eluf kbar ta’ nies, inkluż mijiet ta’ ċivili.

Minbarra l-vittmi, mis-Serbja tkeċċew eluf kbar ta’ Albaniżi tal-Kosovo. Quddiem tant ġlied, dmija, distruzzjoni u vittmi, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien wasal għall-iffirmar tar-Riżoluzzjoni 1244.

It-trattat wassal biex l-armata Serba rtirat mir-reġjun tal-Kosovo, l-istess kif kellhom jagħmlu l-forzi tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Kosovo li madankollu m’obdewx dan il-ftehim immedjatament.

Min-naħa tas-Serbja, kien għad fadal biss il-Pulizija Militari Serbi iżda fl-2007 nħarġet ordni biex erba’ riġmenti Serbi u brigada jerħulha lejn il-Kosovo bħala armata mhux uffiċjali bl-għan li l-estremisti tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Kosovo jitneħħew u s-sitwazzjoni tinġieb għan-normal, kif suppost kellu jiġri wara l-1999.

Din ma kinitx gwerra uffiċjali, anke għaliex il-qawwiet Serbi ma kellhomx il-permess li jużaw il-qawwiet militri b’mod uffiċjali biex ma jiksrux huma wkoll ir-Riżoluzzjoni 1244.

NetNews iltaqa’ ma’ wieħed mis-suldati Serbi li kienu ssejħu biex jirritaljaw għall-azzjonijiet tal-forzi Albaniżi. Ivan Milosevic illum jgħix u jaħdem f’pajjiżna,  iżda bejn Novembru 2006 u Jannar tal-2011 iġġieled taħt theddida kontinwa għal ħajtu.

Jirrakkonta li minkejja li kien jaf bil-periklu, għalih u l-familja li jingħaqad mal-militar kienet xi ħaġa ta’ kburija.