Lokali Qorti

Jinbidel l-Imħallef fil-kawża għall-kumpens mill-vittmi ta’ abbuż sesswali

L-Imħallef R Micallef hu l-President tal-Assoċjazzjoni ta' Radju Marija

Intlaqgħet it-talba tal-vittmi ta’ abbuż sesswali minn qassisin sabiex il-kawża tagħhom għal kumpens ma tibqax tinstema’ quddiem l-Imħallef Joesph R Micallef. Il-kawża hi tal-vittmi ta’ abbuż sesswali minn qassisin ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera u li l-qassisn involuti kienu ngħataw is-sentenza ta’ sitt snin u ħames snin ħabs. Is-sentenza kienet ingħatat f’Lulju tal-2011 fil-konfront ta’ Charles Pulis u Godwin Scerri li kienu nstabu ħatja ta’ abbuż sesswali fuq 11-il tifel li fiż-żmien meta seħħ il-każ kienu jieħdu ħsiebhom huma f’Dar San Ġużepp.

Ir-raġuni li l-vittmi talbu l-kawża tinstema’ quddiem Imħallef ieħor hi għaliex l-Imħallef R Micallef hu l-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Radju Marija. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, qalet li minħabba r-rabtiet li hemm bejn l-Assoċjazzjoni ta’ Radju Marija u l-Kurja jista’ jkun li l-vittmi ma’ jingħatawx smigħ xieraq. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali qalet wkoll li għalkemm it-tmexxija tal-Assoċjazzjoni u l-Arċidjoċesi ta’ Malta huma separati xorta jista’ jkun hemm il-kwistjoni tal-imparzjalita’. Ingħad wkoll li jekk it-talba tal-vittmi f’dan l-istadju ma tintlaqgħax ikun qed jinkiser id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq.

Qabel din id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, l-vittmi kienu għamlu rikors biex l-Imħallef R Micallef ma jibqax jisma’ l-kawża tagħhom imma hu kien irrifjuta li jagħmel dan u ried li jibqa’ hu li jisma’ l-kawża.

L-avukati f’isem il-vittmi kienu Patrick Valentino u Franco Vassallo.