Lokali

Jinqabad il-ħalliel li seraq sensiela ta’ ħwienet fir-Rabat u Tas-Sliema

Karozza tal-Pulizija - mill-arkivji

Il-Pulizija rnexxielhom jarrestaw lil raġel ta’ 41 sena mir-Rabat li fl-aħħar jiem kien involut f’sensiela ta’ serqiet, mgħammad u armat, minn ħwienet kemm fir-Rabat stess kif ukoll f’Tas-Sliema.

L-aħħar serqa li kien involut fiha dan ir-raġel seħħet ilbieraħ stess meta daħal f’ħanut tal-ġugarelli edukattivi fi Triq San Pawl, fir-Rabat. F’dan il-każ ir-raġel irnexxielu jaħrab mill-post b’ammont ta’ flus kontanti wara li hedded lil tfajla b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Din kienet it-tieni darba fi ftit jiem li r-raġel għamel attentat fuq l-istess ħanut.

Fit-23 ta’ Frar, raġel mgħammad bl-istess mod u armat b’sikkina daħal f’ħanut tal-ħwejjeġ fl-istess triq u talab il-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 24 sena, residenti Birkirkara. Il-kaxxiera, li qed tistenna tarbija, ittieħdet lejn l-isptar Mater Dei wara x-xokk li soffriet u għall-osservazzjoni tat-tarbija.

Jingħad ukoll li l-istess persuna kien responsabbli mis-serqa minn banka tal-lottu li seħħet fil-25 tax-xahar li għadda fl-istess triq, fir-Rabat. Dakinhar ukoll hu kien liebes ġakketta tal-barnuża, nuċċali tax-xemx u armat b’sikkina.

Fit-28 ta’ Frar, jiġifieri tlett ijiem wara fi Triq Tignè, l-istess raġel hu maħsub li kien il-persuna li minn ħanut tal-ġugarelli f’Tas-Sliema seraq ammont ta’ flus kontanti u dakinhar ukoll kien liebes hoodie kif ukoll nuċċali tax-xemx.

Dawn huma biss ftit mis-serqiet li jidher li wettaq l-istess raġel. L-ilbies simili jew identiku f’kull serqa ta daqqa t’id lill-Pulizija biex jaslu għall-identità tar-raġel.

L-arrest seħħ wara informazzjoni mill-pubbliku kif ukoll ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat bl-investigazzjoni tkun immexxija mill-Ispettur Robert Vella u l-uffiċjali mid-Diaprtiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali Carlos Cordina u James Grech.