Lokali Parlament

Konvenzjoni li se tagħti saħħa lill-artisti

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li bil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Intanġibbli Malta se tkun qed tagħti s-saħħa lill-artisti u lin-neis tal-kultura biex ifasslu l-viżjoni tal-pajjiż f’dan is-settur.

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-Oppożizzjoni taqbel mar-ratifika tal-Konvenzjoni u sostna li hemm bżonn li l-wirt intanġibbli jkun protett biex ma jintilifx. Dan hu wirt kulturali importanti għall-pajjiż. Hu qal li din il-konvenzjoni se torbot lil persuni minn pajjiżi barranin biex isaħħu l-kulturi ta’ bejniethom. Hi propju l-kultura intanġibbli li l-aktar iġġib lill-poplu viċin xulxin.

Karl Gouder qal li l-konvenzjoni tinkludi wkoll l-arti moderna u sostna li l-artisti għandhom jingħataw l-apprezzament meħtieġ f’pajjiżhom.

Il-UNESCO issa se tkun qed iżżomm għajnejha fuq Malta u għalhekk għandha issir strateġija għal 15-il sena biex b’hekk il-pajjiż jimplimenta l-miżuri u l-inizjattivi b’mod ħolistiku. Importanti li l-wirt tal-ħsieb u tat-talenti jingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Din il-konvenzjoni se tagħti għodda b’saħħitha lis-soċjetà ċivili, sostna Karl Gouder, li tkellem dwar l-inventarju li jridu isir tal-wirt intanġibbli. Hu qal li l-pajjiż lanqas jaf x’għandu bħqla wirt tanġibbli u sostna li l-pajjiż għandu grupp ta’ restawraturi ta’ kwalità għalkemm hawn ftit wisq. Hu appella biex ikun hemm l-inizjtativi meħtieġa għal iktar restawraturi.

Wasal iż-żmien biex iktar nies jistudjaw ir-restawr u biex il-kundizzjonijiet ikunu tajbin biex huma jagħmlu karriera waqt li jingħataw ir-rikonoxximent meħtieġ. Il-politiċi għalhekk għandhom jagħtu l-għodod neċessarji biex ikun is-settur innifsu u l-komunità attiva li jagħtu d-direzzjoni meħtieġa.

Hu tkellem dwar l-importanza li l-festi jkunu salvati bħad-danza u t-teatru li għandhom ikomplu jissaħħu. Jeħtieġ li tinbena ġenerazzjoni ta’ nies li tapprezza u tappoġġja l-kultura, sostna Karl Gouder.