Ix-Shadow Minister tal-Opożizzjoni għas-Saħħa Claudette Buttigieg sostniet li minkejja l-wegħdi kollha tal-PL qabel l-aħħar elezzjoni l-istatistika qed turi li Malta niżlet ħafna ‘l isfel fl-ugwaljanza u fl-avvanz tal-mara fis-soċjetà.
Fl-Aġġornament tat-Tnejn Claudette Buttigieg tkellmet dwar Jum il-Mara u qalet li fis-soċjetà għad fadal nisa li hum żvantaġġjati. Malta hi mmexxija minn Prim Ministru li wiegħed li l-pajjiż ikun l-aqwa fl-Ewropa u li wiegħed li l-gvern ikun l-aktar gvern femminista fl-istorja ta’ Malta. Illum hawn dubju dwar dak li kien qal Joseph Muscat għaliex din kienet wegħda falza.
Hi qalet li l-Forum Ekonimiku Dinji jippubblika l-Global Gender Gap Index li jindika l-progress jew rigress li jkunu għamlu l-pajjiżi fl-avvanz tal-mara fis-soċjetà. Jirriżulta li mill-84 post fl-aħħar erba snin, Malta niżlet għall-108 post minn 144 pajjiż.
Flok l-aqwa fl-Ewropea, Malta hi l-aħħar fl-Ewropa u fost l-aħħar kwart tal-pajjiżi kollha fl-Ewropa f’dan is-settur, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li fost il-kejl li jsir hemm il-pagi, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Fil-pagi, taħt Joseph Muscat in-nisa Maltin waqgħu lura 30 post; mis-87 fl-2013 għall-117 fl-2016. Dan mhux faqar relattiv iżda faqar veru speċjalment għan-nisa bla xogħol, għal dawk li għaddew minn separazzjoni jew li għaddejjin minn seperazzjoni.
Ma jistax ikun li fl-2017 ma jkunx hemm diskussjoni dwar din is-sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-oġġetti essenzjali għolew ħafna b’effetti negattivi fuq in-nisa. Dan hu riżultat ta’ gvern li jiftaħar bl-ekonomija iżda ma jikkunsidrax kif din qed tolqot lil min għandu bżonn. Fuq in-naħa l-oħra hemm nisa li qed jaqilgħu €100,000 iżda dawn huma uffiċjali fil-PL. Dan hu gvern li ħaseb fih innifsu u fiċ-ċirku żgħir ta’ madwaru iżda li ħalla nisa l-oħra jbatu.
Fl-ugwaljanza fil-pagi Malta kienet fid-19-il post min 144 pajjiż iżda issa tinsab fid-49 post; 30 post ‘l isfel. Ovvjament dan ma japplikax għan-nisa kollha għax is-Segretarju Eżekuttiv tal-PL taqla’ €67,000 fis-sena minbarra kuntratti u direct orders.
Fis-saħħa l-pajjiż waqa’ fis-107 post, spjegat Claudette Buttigieg li kompliet dan l-aspett jitratta kemm in-nisa qed jgħixu ħajja b’saħħitha u fit-tul iżda anki hawn, Malta niżlet 37 post għall 115-il post.
Minkejja l-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern, il-klassifika tal-Global Gender Gap Index ma tinbidilx minħabba li f’Malta m’hawnx l-abort. Jirriżulta li fl-edukazzjoni hemm kollass totali fejn Malta niżlet 35 post mill-58 post li kienet fih waqt li fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika Malta niżlet 29 post; mit-53 għat-82.
Fis-settur dwar nisa f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet il-pajjiż niżel 80 post; mill-41 post għall-121 post. Dan meta sal-2030 Malta għandha obbligu li ġġib l-ugwaljanza fis-soċjetà iżda fil-verità l-pajjiż jinsab ferm lura fejn il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika hi ferm baxxa; fejn hi biss 29.4%.
//= $special ?>