Lokali

Musumeci l-aktar li ġab permessi fuq artijiet ODZ

Wara Musumeci kien hemm id-deputat tal-PL Charles Buhagiar

Robert Musumeci kien l-aktar Perit li s-sena l-oħra rnexxielu jġib permessi f’isem il-klijenti tiegħu fuq artijiet li huma meqjusa bħala ‘il barra mill-Iżvilupp, ODZ.

Dan ħareġ minn studju li għamlet il-gazzetta Malta Today li analizzat il-permessi kollha li ngħataw mill-Awtorita’ għall-Ippjanar bejn l-2008 u l-2016.

Minn dan l-istudju ħareġ li Robert Musumenci bħala Perit ġab 55 permess fuq art ODZ minn 736 permess li tat l-Awtorita’ għall-Ippjanar is-sena l-oħra.

L-artiklu jgħid li skont Robert Musumeci fl-2014 daħlu fis-seħħ policy guidlines għal żoni rurali u li skont hu għamluha aktar faċli sabiex min jitfa’ applikazzjoni f’żona ODZ jingħata permess. Riżultat ta’ dan bejn l-2015 u l-2016 kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet.

Hawn l-artiklu jsemmi kif Musumenci, li llum hu avukat, hu l-konsulent tal-gvern fuq policies għall-ippjanar fi ħdan id-dipartiment tal-artijiet. Hu kien wkoll wieħed minn dawk li ta l-parir lill-gvern sabiex jaqsam il-MEPA.

Mill-istudju joħroġ wkoll li l-Membru Parlamentari Laburista Charles Buhagiar, hu t-tieni perit li f’isem il-klijenti tiegħu ġab l-aktar permessi fuq artijiet ODZ, b’49 permess.

Mill-istudju joħroġ anke li fejn jidħlu permessi nġenerali, mhux biss fuq artijiet ODZ, l-aktar li ġabru permessi kienu l-kumpanija tal-Perit Michael Falzon, Emanuel Vella u Saviour Micallef.

Dwar dan il-Malta Today ħadet ir-reazzjoni tal-Bioloġista u attivist favur l-ambjent, Alan Deidun li qal ma jistax ikun li l-policies tal-Awtorita’ għall-Ippjanar ikunu fformulati minn Periti. Għaliex dan ifisser li l-policies se jagħmluhom mill-perspettiva tagħhom b’diversi loopholes li la darba jindraw mill-periti ikunu jistgħu jisfruttawhom favur tagħhom. Hawn Deidun għamel referenza għal-Robert Musumeci li skont hu għandu kunflitt ta’ interess f’dan kollu.