Lokali

“Rajt waħda mill-karozzi mbuttata metri ‘l bogħod”

Waġda mill-karozzi tat-tip Jaguar nvoluta fl-inċident f'San Ġiljan

“Waqt li ż-żewġ vetturi ta’ quddiem kienu qed jieqfu fuq it-traffic lights, Jaguar baqgħet dieħla b’saħħa fuqhom bil-konsegwenza li l-vettura ta’ quddiem spiċċat metri bogħod lejn nofs it-triq u ta’ warajha mitfugħa fuq it-traffic lights.”

Rakkont ta’ xhud li segwa l-inċident li t-Tnejn filgħaxija wassal biex ħames persuni weġġgħu, tnejn mnnhom gravi, f’każ li seħħ fi Triq Sant’Andrija f’San Ġiljan għall-ħabta tat-20.30.

NetNews hu nfurmat li s-sewwieq tal-Jaguar FX hu Portugiż li għandu 60 sena u ilu jaħdem fis-settur finanzjarju lokali għal snin twal. It-Toyota Yaris li kienet fuq quddiem kienet qed tinstaq minn mara ta’ 43 sena minn Pembroke, li kienet waslet ftit bogħod minn darha, u tliet żgħażagħ kienu fil-vettura li nqabdet bejn il-karozzi l-oħra; sewwieq ta’ 22 sena min-Naxxar u żewġ tfajliet passiġġieri ta’ 23 sena mir-Rabat u Ħal Kirkop.

L-agħar li marru kienu ż-żgħażagħ fil-vettura tan-nofs, li bl-impatt spiċċat mgħaffġa bejn il-vetturi l-oħra u kellhom jinħarġu ħin wara l-inċident grazzi għall-intervent tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili. Iż-żewġ tfajliet passiġġieri filfatt sofrew ġrieħi gravi.