Napoli u Arsenal ma rnexxielhomx iwettqu rimonta diffiċli fl-ewwel żewġ logħbiet mill-fażi tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League, biex fianlment kienu ċ-Champions Ewropej Real Madrid u Bayern Munich li avvanzaw għall-kwarti tal-finali. Napoli tilfu f’darhom kontra Real Madrid wara wirja qalbiena, filwaqt li Arsenal kienu mill-ġdid umiljati anki f’Londra fejn kienu megħluba 5-1 biex inqalgħu b’aggregate ta’ 10-2.
Napoli kienu dominanti fl-ewwel taqsima u għal ħinijiet twal it-tim immexxi minn Zinedine Zidane kien f’diffikultà kbira. Napoli iżda ħasdu ftit għal dak kollu li wettqu fl-ewwel taqsima, biex fit-tieni taqsima kienu kkastigati b’żewġ daqqiet ta’ ras tal-captain ta’ Real Sergio Ramos. L-aggressivita’ ta’ Napoli fl-ewwel taqsima kienet impressjonanti u l-vantaġġ miksub minn Mertens fl-24 minuta kien wieħed meritat. L-azzjoni kienet ukoll mill-aqwa fejn Hamsik żmarka lil Mertens li b’xutt angolat fil-baxx sab ir-rokna tax-xibka.
Fl-unika azzjoni ta’ Real fl-ewwel taqsima huma kienu sfortunati meta Cristiano Ronaldo dar mal-goalkeeper Reyna iżda x-xutt tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta. L-istess xorti messet lil Mertens ftit wara fejn wara żball fid-difiża ta’ Real ix-xutt tiegħu ukoll ħabat ma’ sieq il-lasta. Fit-tieni taqsima iż-żewġ daqqiet ta’ ras ta’ Sergio Ramos minn azzjonijiet simili ta’ kornersikktu Stadio San Paolo, u ħarġet il-kassi kollha ta’ Real li ddominaw il-kumplament tal-logħba, u fid-90 minuta żiedu gowl ieħor permezz tas-sostitut Alvaro Morata.
F’Londra t-tama ta’ Arsenal li jwettqu rimonta diffiċli damet biss sal-ewwel taqsima fejn huma daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ skorjat minn Theo Walcott fl-20 minuta. Il-holm tal-Gunners inbidel fi ħmar il-lejl fil-55 minuta meta Bayern ingħataw penalty u kien ukoll imkeċċi Koscielny. Mill-11-il metru Lewandowski ma żbaljax u minn hemm ‘l quddiem it-tim ta’ Ancelotti kellu xlata b’gowls ta’ Robben, Douglas Costa u doppjetta ta’ Vidal, biex għas-seba’ sena konsekuttiva Arsenal kienu eliminati fl-istadju ta’ l-aħħar sittax.
//= $special ?>