– Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici
Permezz tar-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Intanġibbli, Malta se tkun qed tirrikonoxxi fuq livell internazzjonali l-wirt li hu intanġibbli bħall-festi, il-kultura, il-lingwa u s-snajja Maltin.
Meta kien qed jitkellem fis-seduta tat-Tlieta l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici Bonnici qal li l-konvenzjoni se tiftaħ il-bibien beraħ biex dan il-wirt ikun rispettat u rikonoxxut iktar.
Din il-konvenzjoni se tagħmel differenza għax mar-ratifika, Malta tkun tista’ tingħaqad ma’ numru ta’ pajjiżi li jressqu quddiem il-UNESCO ċertu aspetti tal-wirt intanġibbli biex dawn jingħataw rikonxximent mondjali.
Il-wirt intanġibbli jinkludi l-wirt li l-ġenerazzjonijiet tal-passat ħallew fil-pajjiż u li ma jistax jintmiss bl-idejn bħal-lingwa Maltija, il-festi Maltin, is-snajja Maltin u l-pirotenika. Dan hu wirt li jagħmel soċjetà Maltija differenti minn dik ta’ ħaddieħor.
Il-Ministru Bonnici tkellem dwar id-diversità kulturali u qal li hemm iktar minn 130 stat li rratifikaw il-konvenzjoni, inkluż 19-il membru tal-UE. Malta se tkun ma’ grupp ta’ pajjiżi membri tal-UE li rratifikat il-konvenzjoni, li daħlet fis-seħħ 10 snin ilu.
L-iskopijiet huma li jitħares dan il-wirt, ikun assigurat rispett lejn dan il-wirt, li jitqajjem għarfien u li ssir kooperazzjoni u assistenza internazzjonali fuq is-suġġett. Il-Gvern se jkollu obbligu li jieħu ħsieb użanzi li qed jispiċċaw u jsaħħaħ ukoll użani li għadhom b’saħħithom. Fost dawn hemm ċertu djaletti li qed jintilfu.
Il-Ministru Bonnici qal li l-membri jridu jaddottaw miżuri neċessarji biex ikun hemm kooperazzjoni dwar il-wirt intanġibbli. Malta se tieħu l-miżuri u se toħloq inventarju tal-wirt intanġibbli. Din għandha tkun xi ħaġa ġejja mis-soċjetà ‘l fuq. Il-benfiċċju tal-konvenzjoni huma żvilupp tal-wirt kulturali, progress lejn żvilupp sostenibbli u kooperazzjoni u iktar assistenza bejn network globali fis-settur tal-wirt kulturali.
Il-festa Maltija se tkun fost is-setturi li se jkunu ppreżentati lill-UNESCO biex tkun rikonoxxuta bħala wirt kulturali intanġibbli.
Il-Ministru Bonnici semma d-diversi proġetti li qed isiru fosthom ir-restawr tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt, diversi mużewijiet u inizjattivi oħra.