Lokali

RITRATTI: Jinstabu ħitan antiki mill-fortifikazzjoni tal-Belt Valletta

Ritratti tal-ħitan antiki

Jinkixfu ħitan antiki li kienu parti mill-fortifikazzjoni tad-daħla tal-Belt Valletta. Dan waqt li kien qed isir xi xogħol marbut mar-riabilitazzjoni tad-daħla tal-Belt Valletta. Skont esperti, dawn il-ħitan antiki kienu jiffurmaw parti mill-fortifikazzjonijiet tad-daħla tal-Belt Valletta.

Dawn il-fdalijiet tas-swar instabu fejn qabel kien hemm il-latrini pubbliċi hekk kif kienet qed issir ħidma biex tinbena plant room ġdida li se tifforma parti mill-proġett ta’ restawr tal-Funtana tat-Tritoni, ftit il-barra minn Bieb il-Belt.

Hekk kif saret is-sejba ta’ dawn il-ħitan storiċi, mal-ewwel ġiet infurmata s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, fejn ġie deċiż li jsiru aktar investigazzjonijiet arkeoloġiċi. Issa skatta dan il-proċess ta’ studju arkeoloġiku.

L-istess awtoritajiet talbu biex issa din is-sejba tant importanti tiġi protetta u integrata fil-proġett b’mod li dawn is-swar jibqgħu viżibbli għall-pubbliku. Biex dan l-iskop jiġi fis-seħħ, is-Sovrintendenza flimkien mal-GHRC saru diskussjonijiet biex din iż-żona tiġi msaqqfa u tibqa’ aċċessibli għall-pubbliku bħala parti mill-proġett tal-Pjazza tat-Tritoni.

Wara li l-pjanijiet oriġinali kien ġie propost li tinbena s-substation fuq il-post tas-sejba tal-ħitan antiki, saru tibdiliet fil-pjanti biex ma ssir l-ebda ħsara fuq dan il-wirt storiku. Skont l-istess awtoritajiet, l-pjanti issa ġew aġġornati b’tali mod li jiġi provdut aċċess għall-pubbliku u jitgawda minn kulħadd.

Din iż-żona hi magħrufa għall-importanza storika tagħha, hekk kif din is-sezzjoni tas-swar tifforma parti mill-fortifikazzjoni ta’ Bieb il-Belt, fejn dawn il-ħitan jinkludu wkoll strutturi u foss maqtugħ fil-blat. Din is-sejba ġiet b’sorpriża – u aktarx li dawn is-swar kienu parti minn modifikazzjoni li saru fuq il-pjanti oriġinali tal-Belt Valletta u li setgħu ġew miżjuda matul iż-żminijiet.