Edukazzjoni Lokali Transport

Sistema alternattiva tat-trasport li tipprepara lil Malta għall-futur

Il-Kap tal-PN f'laqgħa ma' ELSA
Laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-għaqda studenteska ELSA Malta

Fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, grupp ta’ studenti tal-liġi f’isem il-European Law Students Association Malta, preżentaw ir-rapport tagħhom dwar it-traffiku f’pajjiżna lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Il-Kumitat Organizzattiv ta’ ELSA Malta – li jiffoka partikolarment fuq Politika Soċjali, stqarr li din is-sena ffukaw id-dokument tagħhom bit-titlu: “Congestion on our island”, minħabba li l-konġestjoni, kemm tal-bini u kemm tat-traffiku, sar il-problema li pajjiżna qed jaffaċja ta’ kuljum.

ELSA Malta qalu, li huma qegħdin iresqu s-suġġerimenti tagħhom lill-Partit Nazzjonalista sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jista’ jgawdi minn kwalita’ ta’ ħajja aħjar – kif wara kollox għandu jkun l-iskop ta’ kull leġislatur.

Minn naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil stqarr li hu ta’ pjaċir li studenti Universitarji qegħdin jaħdmu sabiex iresqu proposti mal-partiti politiċi. Kompla, billi qal li l-Partit Nazzjonalista diġa’ ħadem u qed jaħdem ħafna fuq din il-problema li qed tweħħel il-pajjiż ta’ kuljum.

Fiflatt, waqt din il-laqgħa mal-Kumitat Organizzattiv ta’ ELSA Malta, Simon Busuttil ippreżenta żewġ dokumenti li l-Partit Nazzjonalista ppublika fix-xhur li għaddew; wieħed li jindirizza l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku  abbażi short-term u ieħor li jindirizza l-ambjent u l-kwalita’ tal-ħajja. Hawnhekk is-Shadow Minister għall-Ambjent u Trasport Marthese Portelli qalet ukoll li fil-jiem li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippublika rapport ieħor li juri pjan għat-tul fuq mhedda ta’ snin li l-mira tiegħu hi li twaqqaf għal kollox il-problema tat-traffiku f’Malta. Fost id-diversi suġġerimenti li se jressaq il-Partit Nazzjonalista f’dan id-dokument ġdid, se jkun hemm ukoll l-idea ta’ light railway track.

Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u s-Shadow Minister għall-Ambjent u t-Traffiku, attendew ukoll il-Whip tal-Partit Nazzjonalista David Agius, flimkien mal-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali Angelo Micallef u Kevin Cutajar.