Sport Sport Ieħor

Swieqi jirritornaw għar-rebħ fil-ġirja mal-ewwel erbgħa

Boicho Marev ta’ Swieqi ssikkat minn Daryl Muscat ta’ Marsascala (Ritratt: Joe Borg)

Swieqi poġġew iż-żewġ telfiet konsekuttivi kontra Luxol u Valletta warajhom, hekk kif għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 11-2. B’dan ir-riżultat Swieqi ġew waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika filwaqt li Marsascala jibqgħu isibuha bi tqila biex jiksbu aktar punti fil-kampjonat. Swieqi meritatament komplew juru li huma fost l-aqwa timijiet tal-futsal lokali.

Bidu tajjeb għal Swieqi li marru fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 4-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima. Redeemer Borg, Dexter O’Brien, Fredrik Johannson u Boicho Marev skorjaw għal Swieqi. Marsascala naqsu l-iskor permezz ta’ Johann Callus.

Fit-tieni taqsima Swieqi komplew iżidu l-qawwa tagħom meta Boicho Marev u Redeemer Borg għaqdu doppjetta. Dexter O’Brien skorja darbtejn oħra flimkien mal-gowls ta’ Veselin Ivanov Gerenski, Dimiter Petev u Christian Wismayer. Għal Marsascala Construct Furniture reġa’ skurja Johann Callus.

Il-leaders Luxol ikomplu għaddejjin bil-forma tajba tagħhom meta għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi bl-iskor ta’ 12-1. Għal Luxol Carl Azzopardi kien il-protagonist prinċipali bi tripletta personali. Emil Raducu, Andy Mangion, Dejan Bizjak u Zvezdan Vukovic kellhom doppjetta kull wieħed, flimkien mal-gowl ta’ Celino Alves. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għaż-żgħażagħ ta’ Swieqi wasal mingħand Darryl Schembri.

Iċ-Champions Valletta kellhom rebħa komda fuq it-tim ta’ qiegħ il-klassifika Żurrieq Wolves, meta għelbuhom 16-1. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Beltin kienu diġà b’vantaġġ ta’ 7-1, bil-Brażiljan Raphael Felipe Ortiz de Oliveira jiskorja xejn anqas minn sitt gowls. Jovica Milijic kellu tripletta u Rodrigo Ticz Patricio kellu doppjetta. Xavier Saliba, Josef Borg, Melvin Borg u Denis Di Maio skorjaw gowl kull wieħed, flimkien ma’ awtogowl.

Ħamrun Tre Angeli u t-tim tal-Università tħabtu mhux ftit, f’partita xi ftit ikkulurita u li rat il-Ħamruniżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 10-4. Fl-ewwel erba’ minuti Ħamrun Tre Angeli skorjaw tliet darbiet u immedjatament, l-Universitarji naqsu l-iskor b’żewġ gowls. Iżda qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Ħamruniżi skurjaw żewġ gowls oħra fi żmien qasir.

Fil-bidu tat-tieni taqsima l-Universitarji skurjaw it-tielet gowl tagħhom. Din ir-reazzjoni poġġiet lil Ħamruniżi fuq l-attakk u t-tim tal-Università spiċċa b’żewġ plejers imkeċċija. Minn hawn ‘il quddiem, Everton Da Silva Santos ta’ Ħamrun kien ta’ theddida kontinwa għall-avversarji. Dan isarraf f’erba’ gowls għal Da Silva Santos u doppjetta għall-eks tal-partita Cleaven Portelli.

Florin Anton, Jason Mifsud Luke Stivala u Daniel Mifsud skurjaw ukoll għal Ħamrun Tre Angeli. Min-naħa l-oħra Gaetano Gesualdi, Leo Muscat u Andrea Farrugia skorjaw għat-tim tal-Università.

F’aktar logħbiet, Mrieħel ESS komplew juru progress fil-kampjonat, meta għelbu lil Qrendi bl-iskor ta’ 13-5. Sliema Wanderers ukoll komplew il-mixja pożittiva tagħhom, meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 11-2. Fl-aħħar nett Msida kisbu tliet punti importanti u tbiegħdu mill-istess Qormi, meta rebħulhom bl-iskor ta’ 9-2.

 

Klassifika

Luxol 36 punt, Valletta 31 punt, Ħamrun Tre Angeli 30 punt, Swieqi 24 punt, Università ta’ Malta 21 punt, Msida St. Joseph 19-il punt, Mrieħel ESS 17-il punt, Sliema Wanderers 17-il punt, Safi San Lorenzo 15-il punt, Qormi 15-il punt, Qrendi 9 punti, Marsascala Construct Furniture 6 punti, Swieqi U21 3 punti, Tarxien JMI 3 punti, Żurrieq Wovles 0 punti.

Tags