Kunsilli Lokali Lokali

Tneħħija inġusta u ta’ preċedent għal Segretarju Eżekuttiv minn Sindku Laburista

Marc Vella Bonnici u l-Mexxej Laburista Joseph Muscat

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni (ANSEK) esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-mod kif il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici approva t-tneħħija ta’ Segretarju Eżekuttiv ta’ Kunsill partikolari mill-kariga tiegħu.

Il-każ jitratta lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, li qed kun allegat li tneħħa mill-kariga sempliċiment għax is-Sindku ma kellux aktar grazzja miegħu.

Is-Segretarju Eżekuttiv spiċċa tneħħa mill-post wara Mozzjoni li tressqet mis-Sindku Laburista Marc Vella Bonnici (ritratt), li eventwalment ġiet approvata mill-maġġoranza tal-Kunsilliera.

Fi stqarrija, l-ANSEK innotat li għal ħafna snin, is-Segretarju Eżekuttiv ħadem b’għaqal u skont il-Liġi. Madankollu, is-Sindku Laburista spiċċa ressaq il-Mozzjoni kontra l-appell tal-Assoċjazzjoni, filwaqt li l-Ministru Bonnici laqagħha mingħajr l-ebda raġuni valida minn Vella Bonnici.

B’hekk, il-Ministru sar kompliċi f’azzjoni inġusta.

L-ANSEK qalet li bl-azzjoni tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja qed juri li ma jinteressahx minn Governanza Lokali tajba jew mill-kontabbiltà fis-sistema tal-Gvern Lokali.

Barra minhekk, il-Ministru reġġa’ l-arloġġ lura u ħoloq preċedent perikoluż, fejn minflok ma jibqa’ l-Gwardjan tal-Liġi, is-Segretarju Eżekuttiv jispiċċa jagħmel biss dak li jgħidlu s-Sindku.

ANSEK innotat li dan jista’ joħloq biża’ fost is-Segretarji Eżekuttivi, li jistgħu jispiċċaw fil-mira ta’ skuża frivola mis-Sindku tal-lokalità fejn jaħdmu ħalli jitneħħew mill-kariga.

Dan filwaqt li appellat biex il-Ministru tal-Ġustizzja jirrimedja immedjatament din is-sitwazzjoni.