Futbol Sport

Barcelona jirkupraw erba’ gowls żvantaġġ u jgħaddu għall-kwarti tal-finali

Messi jifraħ ma' Pique u Neymar wara wieħed mill-gowls ta' Barcelona (Ritratt: EPA)

Gowl fl-aħħar sekondi ta’ Sergi Roberto wassal lil Barcelona għal kwalifikazzjoni li dehret impossibbli, b’rebħa ta’ 6-1 fuq PSG. It-tim ta’ Luis Enrique fetaħ l-iskor wara biss tliet minuti meta kien LUIS SUAREZ li f’azzjoni konfuża skorja b’daqqa ta’ ras li qabeż eżatt il-linja. Barcelona rduppjaw fl-40 minuta meta minn żball fil-kaxxa ta’ Thiago Silva, daħal tajjeb Andres Iniesta li mix-xejn tefa’ ballun fin-nofs, b’Laymin Kurzawa jolqot il-ballun ħażin u jitfa’ fix-xibka tiegħu stess.

Il-Katalani reġgħu sabu x-xibka kmieni fit-tieni taqsima meta ngħataw penalty fid-49 minuta f’azzjoni ferm dubjuża li fiha waqa’ Neymar. Mill-11-il metru, LIONEL MESSI għeleb lil Trapp b’xutt b’saħħtu. Iżda PSG skorjaw il-gowl importanti li deher li serraħ ras il-kowċ Unai Emery meta fil-61 minuta kien EDINSON CAVANI li wara li rċieva daqqa ta’ ras ta’ Kurzawa, għeleb lil ter Stegen b’xutt b’saħħtu.

Barcelona skurjaw għamlu l-iskor 4-1 fit-88 minuta bi free-kick sabiħ fuq l-ewwel lasta ta’ NEYMAR, biex reġa’ kien NEYMAR li skorja minn penalty ieħor dubjuż żewġ minuti wara. Fit-93 minuta, kien SERGI ROBERTO li skorja l-gowl deċiżiv wara li mattar siequ u għeleb lil Trapp.

Fil-logħba l-oħra, Borussia Dortmund irnexxielhom idawru t-telfa ta’ 1-0 li kienu sofrew fil-Portugall, meta fil-Westfalen Stadion għelbu lil Benfica 4-0. Huma fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti meta kien PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

Dortmund irduppjaw fid-59 minuta wara li CHRISTIAN PULISIC daħal tajjeb fl-ispazju u għeleb lil Moraes. PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG għamel l-iskor 3-0 fil-61 minuta meta rċieva kross mix-xellug, u minn quddiem Moraes ma żbaljax. Kien għad fadal ċans għar-raba’ gowl hekk kif fil-85 minuta reġa’ kien PIERRE-EMERICK AUBAMEYANG li għaqqad it-tripletta.