Futbol Sport

Conte viċin li jġedded il-kuntratt

Antonio Conte jiċċelebra r-rebħa ta' Chelsea kontra West Ham (Ritratt: EPA)

Rapporti fl-Ingilterra qed jgħidu li l-manager Antonio Conte jista’ jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Chelsea fi ftit jiem, bl-għan li jwasslu messaġġ lit-timijiet l-oħra li huma interessati fis-servizzi tiegħu.

L-ewwel staġun ta’ Conte fil-Premier League kien ta’ suċċess hekk kif il-Blues jinsabu 10 punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika meta għad fadal 11-il logħba. Conte żvela l-ġimgħa l-oħra li l-familja tiegħu għadha toqgħod l-Italja, u se jingħaqdu miegħu biss ftit qabel l-istaġun li ġej.

Iżda Chelsea jridu jżommu lil Conte u d-diskussjonijiet jistgħu jiġu konklużi qabel il-logħba mill-kwarti tal-finali tal-FA Cup li għandhom kontra Manchester United it-Tnejn li ġej.

Il-media Taljana qalet fl-aħħar jiem li Inter jinsabu interessati fih. Inter bħalissa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika, bil-kowċ preżenti Stefano Pioli, jgħid għadu ma tilifx il-fiduċja li jista’ jmur tajjeb man-Neroazzuri.

Conte qed jissemma wkoll li jista’ jieħu t-tmexxija ta’ Barcelona hekk kif il-kowċ tagħhom Luis Enrique se jħalli t-tim fi tmiem l-istaġun.