Lokali Saħħa

€10,000 oħra biex tkompli titwettaq il-ħolma ta’ Bjorn

Ritratt: Jason Borg (DOI)

Bjorn Formosa ġie ppreżentat is-somma sabiħa ta’ €10,000 biex il-ħolma tiegħu tkompli ssir realtà. Id-donazzjoni, mill-Malta Community Chest Fund, ġiet preżentata mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-flus se jiżdiedu ma’ aktar minn €900,000 li nġabru nhar il-Ġimgħa li għadda waqt il-programm Xarabank bl-iskop li tinbena dar għal persuni morda bl-ALS.

Id-dar hija ħolma ta’ Bjorn Formosa, il-fundatur tal-ALS Malta. Matul l-aħħar snin, ALS Malta għenet numru ta’ Maltin li jbatu mill-kundizzjoni ‘ALS’, marda deġenerattiva li tolqot in-nervituri tal-pazjent bil-mod il-mod sakemm il-persuna jitlef ukoll il-kapaċità li jieħu n-nifs.

Il-preżentazzjoni saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton fejn il-President kienet akkumpanjata miċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund John Camilleri. Bjorn kien akkumpanjat minn martu Maria. Qabel preżentat id-donazzjoni, il-President faħħret lil Bjorn u lil Maria għall-kuraġġ, id-determinazzjoni u s-sens qawwi ta’ pożittività. Hi ħeġġithom biex ikomplu jħaddnu u jxerrdu dawn il-valuri mal-Maltin u l-Għawdxin kollha.