Erba’ Ministri tal-Gvern insistew li l-Gevrn ma seta’ jagħmel xejn aktar dwar it-Tieqa tad-Dwejra, tant li dak li seħħ kien parti minn proċess naturali.
Erba’ Ministri insistew dan waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata biex ikun indirizzat l-impatt tal-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret fil-Ministeru tat-Turiżmu.
Il-Ministri preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu Edward Zammit Lewis, Anton Refalo, Josè Herrera u Owen Bonnici.
“Dak li ġara llum hija storja ta’ dieqa, speċjalment għalina l-Għawdxin” qal il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. “Qisek qed titlef parti minn ġismek, għalkemm kienet prevvista” żied jgħid.
Kummenti simili saru mill-Ministru Owen Bonnici li sostna li fil-pajjiż hawn sensazzjoni bħal meta familja tkun qed tistenna li jonqos membru tal-familja tagħha minkejja t-tama kollha. “Meta imbgħad titlef il-membru tal-familja, għalkemm tkun taf li se titilfu, tħoss dieqa kbira”, qal Owen Bonnici.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern mexa ma’ prassi, policies u rapporti tekniċi li kellha l-amministrazzjoni preċedenti. Zammit Lewis sostna li filwaqt li dawk il-policies kienu tajbin, il-Gvern preżenti saħħaħhom billi daħħal numru ta’ prekawzzjonijiet matul iż-żmien.
Imma mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dawn il-miżuri ta’ prekawzzjoni, fosthom l-installazzjoni ta’ kameras tas-sigurtà, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera ammetta li dawn ma kienux laħqu ġew installati. “Ħadd ma kien qed jipprevedi li t-tieqa se taqa’ kif waqgħet. Fl-aħħar mill-aħħar, kameras jew mhux kameras, it-tieqa xorta kienet se taqa'” temm jgħid Herrera.
//= $special ?>