Wara li ġie żvelat li l-Partit Laburista għadu ma tax rendikont tad-donazzjonijiet li rċieva – hekk kif il-Partit Laburista għadu lanqas biss rreġistra mal-Kummissjoni Elettorali, il-Partit Laburista f’konferenza stampa qal li ingħata ‘provisional registration’.
Net News ċempel lill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joseph Church u staqsa dwar din l-eċċezzjoni li ingħatat lill-Partit Laburista – iżda Joseph Church irrifjuta li jirrispondi u li jagħti informazzjoni dwar dan.
Joseph Church qal li mhuwiex f’pożizzjoni li jirrispondi, iżda meta ġie mistoqsi għalfejn ma jistax jikkumenta dwar din l-allegazzjoni meta hemm il-Kummissjoni Elettorali direttament involuta, il-Kap tal-Kummissjoni Joseph Church ma tkellimx u ftit wara qata l-linja.
Minkejja li l-Partit Laburista għadu l-uniku partit f’Malta li mhuwiex reġistrat skont il-liġi, l-esponenti Laburisti qed jinsistu li l-Partit Laburista ġie rreġistrat b’mod proviżorju, u żiedu jgħidu li kienet il-Kummissjoni Elettorali li qablet li jkun hemm reġistrazzjoni proviżorja.
Madanakollu, in-nuqqas ta’ kjarifika mill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joseph Church tkompli tqajjem diversi mistoqsijiet- u din l-eċċezzjoni li ingħatat lill-Partit Laburista mill-Kummissjoni Elettorali tkompli titfa dell ikrah fuq dan il-każ. Il-mistoqsija tibqa’, veru li l-Partit Laburista ġie eżentat minn ksur ta’ liġi – Liġi li daħħal hu stess?
//= $special ?>