Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, Marvin Gaerty, talab stqarrija mingħand Ivan Portelli, uffiċjal fl-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa, wara li kien żvelat li fil-ġimgħat li għaddew kien siefer maċ-Chairman ta’ db Group.
F’telefonata li saritlu minn Frank Psaila il-preżentatur tal-Programm ‘L-Iswed fuq l-Abjad’ waqt il-programm li xxandar illejla fuq Net TV, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni qal li meta hu kien infurmat bl-allegazzjonijiet dwar Ivan Portelli, li jaħdem fl-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa fil-Furjana bħala direttur/amministrazzjoni għad-Dwana, il-VAT u l-Inland Revenue, tkellem mas-Segretarju Permanenti u anke mal-Ministru tal-Finanzi.
Marvin Gaerty qal li lbieraħ stess iltaqa’ ma’ Ivan Portelli u talbu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dak li qed jingħad, għax kulħadd għandu dritt jispjega l-pożizzjoni tiegħu, u talbu wkoll jagħmel stqarrija bil-miktub dwar l-allegazzjonijiet li hemm fosthom jekk hux veru siefer maċ-Chairman ta’ db Group, u min ħallas għall-passaġġ u għall-akkomodazzjoni.
Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni qal li f’każi bħal dawn hemm il-qafas legali ta’ kif dawn is-sitwazzjonijiet għandhom ikunu trattati mill-Public Administration Act u l-kodiċi ta’ etika li jispjega fejn ikun hemm konflitt ta’ interess.
Hu qal li issa, kif ikollu l-istqarrija ta’ Ivan Portelli, skont l-istqarrija jimxi, u jitlob ukoll gwida mingħand is-Segretarju Permanenti kif se jimxu ’l quddiem. Marvin Gaerty qal li kien qed jistenna li l-istqarrija ta’ Ivan Portelli tkun għandu mill-bieraħ stess.
L-aħbar dwar ir-rabta bejn Silvio Debono u Ivan Portelli kienet żvelata f’artiklu online fir-Running Commentary tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Eżatt wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Gvern Laburista kien ħatar lil Ivan Portelli bħala Direttur tal-Operazzjonijiet tad-Dipartiment tal-VAT. Hu żamm dik il-kariga sa Diċembru li għadda meta tmexxa għall-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxa fil-Furjana bħala direttur/amministrazzjoni għad-Dwana, il-VAT u l-Inland Revenue.
//= $special ?>