Lokali

FILMAT: Konferma li l-prezz tal-art tal-ITS kien negozjat minn ‘Projects Malta’ ta’ Konrad Mizzi

Edward Zammit Lewis jiddejjaq isemmi lil Konrad Mizzi b'ismu

Il-prezz baxx għall-art tal-ITS kien innegozjat minn ‘Projects Malta’, aġenzija li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Konrad Mizzi. Dan kien ikkonfermat mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, li matulha kien akkumpanjat mill-Ministru Owen Bonnici.

Fid-deal, il-Gvern aċċetta li jagħti l-art imprezzabbli tal-ITS għal €15-il miljun, u dan minkejja li l-art tiswa ferm aktar minn hekk. NET News staqsa min kienet il-persuna li nnegozjat dan id-deal f’isem il-Gvern.

“Il-proġett tmexxa minn Projects Malta, li hija l-arm tal-Gvern li tiħħendilja l-proġetti ta’ dan it-tip” qal il-Ministru Zammit Lewis, mingħajr ma rrefera għal Konrad Mizzi b’ismu.

Mill-mod kif tkellem, joħroġ ċar li Zammit Lewis beda jiddejjaq isemmi lil Konrad Mizzi b’ismu, anke meta NET News ikkummenta dwar il-mod kif l-aġenzija ‘Projects Malta’ fl-aħħar mill-aħħar taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Ministru partikolari.

“Kif jaqgħu l-entitajiet, toħroġ fil-Government Gazette (lista ta’) l-entitajiet kollha taħt min jaqgħu” qal Zammit Lewis.

Fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi ġġustifika l-għoti tal-art tal-ITS lill-privat għas-somma baxxa ta’ €15-il miljun, anke jekk l-art kienet valutata li tiswa mas-€60 miljun.

Il-privat se jkun qed iħallas lill-Gvern €15-il miljun biss għal l-art tal-ITS. ‘Il bqija tal-flus se jitħallsu mhux min-negozjanti li se jagħmlu l-iżvilupp, iżda minn persuni li jixtru xi ‘unit’ fl-iżvilupp u li jagħżlu li jifdu ċ-ċens tal-‘unit’ li jixtru. Dan ifisser li l-iżviluppatur privat tas-sit tal-ITS se jkun qed joħroġ minn butu €15-il miljun biss.