Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-ikrollar tat-Tieqa tad-Dwejra kien proċess naturali li ħa l-kors tiegħu.
Zammit Lewis kien mistoqsi waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu biex jagħti l-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar. Hu mifhum li l-Ministru Zammit Lewis kien għadu ma jafx dwar l-aħbar meta saret il-mistoqsija minn NET News.
“Il-feedback li għandna mingħand l-esperti huwa li dan għandu jieħu l-kors naturali tiegħu bħala żvilupp ġeoloġiku” qal il-Ministru, filwaqt li saħaq li l-Gvern għamel li seta’ biex jieħu miżuri ta’ prekawzzjoni biex it-Tieqa tad-Dwejra tkun ikkonservata.
“Irridu naraw u naħdmu fuqha, però nemmen li għamilna ħafna affarijet importanti biex tiġi kkonservata” qal il-Ministru, filwaqt li temm li dan kien pass mistenni fil-kors ġeoloġiku tat-Tieqa tad-Dwejra.
Sa issa għadu mhux magħruf din it-telfa x’se ssarraf f’dak li għandu x’jaqsam ma’ turiżmu f’Għawdex.
//= $special ?>