Għawdex Lokali

Għall-GTA, Għawdex tilfet parti mis-sbuħija ikonika tagħha

Id-Dwejra mingħajr tieqa

Għawdex tilfet parti mis-sbuħija ikonika tagħha, hekk kif dak li ġara dak li kien inevitabbli u li tant ilna nibżgħu li jseħħ.

Hekk qalet l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) fi stqarrija wara l-aħbar li waqgħet għal kollox it-Tieqa tad-Dwejra, li ssejħet bħala xempju turistiku Għawdxi li issa għereq fl-istess post fejn, għal eluf ta’ snin, baqgħet magħrufa għas-sbuħija tagħha.

Il-GTA qalet li l-Għawdxin kollha, iżda b’mod partikolari is-settur turistiku, illum huma mnikkta b’din it-telfa naturali, li issa ħalliet warajha memorja b’miljuni ta’ ritratti li daru d-dinja.

L-Assoċjazzjoni qalet li hu stmat li 80% tal-madwar miljun persuna li jżuru Għawdex ta’ kull sena, xi darba jew oħra għaddew ġurnata qrib it-Tieqa tad-Dwejra.

Sostniet li minkejja li issa spiċċat “orfni” b’din it-telfa, il-GTA tinsab fiduċjuża li l-lokalità tad-Dwejra se tibqa’ tiġbed lejha eluf ta’ persuni biex iżuru l-baħar taż-żona, li tant hu magħruf ukoll mal-għaddasa.

Finalment, il-GTA appellat biex it-tiġrif tat-Tieqa tad-Dwejra jiftaħ għajnejn l-awtoritajiet konċernati biex, fejn possibbli, iħarsu u jipproteġu s-siti turistiċi li l-gżira Għawdxija wkoll għandha x’toffri.