Ir-raġel li ammetta li wettaq mill-inqas tmien serqiet mir-Rabat, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Gżira fost l-oħrajn u matulhom żamm seba’ persuni kontra r-rieda tagħhom talab lill-Qorti għall-għajnuna.
Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, b’rasu baxxuta, Keith Gauci ta’ 41 sena minn Santa Luċija imma residenti r-Rabat waħħal fil-vizzju tad-droga għall-aġir tiegħu u appella għall-għajnuna biex jegħleb din il-problema.
Jirriżulta li Gauci kien sfurzat jisraq hekk kif jinsab bla xogħol u ried jissodisfa l-kilba għad-droga. Madankollu kien hu stess li fittex għall-għajnuna hekk kif ilbieraħ stess, qabel ġie arrestat, talab għal appuntament għal għada mal-Fondazzjoni Oasi biex jieħu għajnuna professjonali.
Mistoqsi mill-Maġistrat jekk jifhimx l-akkużi gravi kontrih u r-risperkussjonijiet tal-ammissjoni tiegħu, Keith Gauci wieġeb fl-affirmattiv bid-difiża titlob li jitħejja rapport dwaru qabel tingħata s-sentenza.
Filwaqt li ma ntlabitx il-libertà proviżorja, Gauci nżamm arrestat, bil-Qorti tordna li jsir rapport li għandu jitlesta fi żmien sitt ġimgħat biex imbagħad jingħata ġudizzju. Il-Maġistrat talab lill-uffiċjali tal-ħabs biex jipprovdu l-għajnuna kollha neċessarja biex Gauci jirkupra mill-vizzju tad-droga.
L-arrest seħħ wara informazzjoni mill-pubbliku kif ukoll ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat bl-investigazzjoni tkun immexxija mill-Ispettur Robert Vella u l-uffiċjali mid-Diaprtiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali Carlos Cordina u James Grech.
Iktar kmieni: Ikomplu joħorġu iżjed dettalji hekk kif il-Pulizija qed tinvestiga lil raġel ta’ 41 sena residenti r-Rabat, li allegatament kien il-moħħ wara sensiela ta’ serqiet fir-Rabat stess.
Jirriżulta li r-raġel hu minn Santa Luċija u ma kienx ilu joqgħod ir-Rabat. Kien propju mal-wasla tiegħu f’din il-lokalità li bdiet il-mewġa ta’ serq mill-istess żona.
Minkejja li wettaq iktar minn ħames serqiet f’temp qasir, kien misteru kif kien qed jirnexxielu jisparixxi fi ftit ħin. Dan iktar u iktar meta Triq San Pawl hi frekwentata minn ħafna, u fiha wieħed isib ħwienet, ristoranti, knisja kif ukoll każini.
Issa, dettalji ġodda jindikaw li kien possibbli li r-raġel jgħib fi ftit sekondi propju għaliex kien residenti fi sqaq li jinsab kantuniera bogħod minn uħud mill-ħwienet li kien jisraq minnhom.
Mill-istess triq, ir-raġel daħal darbtejn f’ħanut tal-ġugarelli, u seraq ukoll minn banka tal-lottuu ieħor tal-ħwejjeġ. F’dawn il-każi, hu dejjem kien liebes ġakketta b’barnuża, nuċċali tax-xemx u armat b’sikkina.
Jirriżulta li r-raġel ammetta wħud mir-reati, u jirriżulta li lill-Pulizija qalilhom ukoll li r-raġuni wara l-aġir tiegħu hi l-problema tad-droga.
//= $special ?>