Lokali

Iċċekkja sewwa li ċ-ċilindri ħodor u sofor ikollhom s-siġill ġenwin ta’ Liquigas

Għadu għaddej il-mili illegali ta’ ċilindri ħodor ta’ Liquigas anki wara li l-kumpanija Liquigas ressqet dan l-abbuż għall-attenzjoni tal-awtoritajiet u tal-pulizija aktar minn 3 snin ilu. L-aħħar evidenza ta’ dan l-abbuż instabet minn Liquigas wara li għadd ta’ ċilindri ħodor tagħha kienu mimlija u mqassma mill-kompetitur tagħha b’tip ta’ siġill aħdar li mhux użat minn Liquigas.

Il-kumpanija spjegat li dan juri b’mod mill-aktar ċar li dawn iċ-ċilindri ma kinux mimlija minn Liquigas fil-faċilità tagħha f’Bengħajsa.

Għaldaqstant issa Liquigas irrappurtat dan l-abbuż lir-Regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Informat ukoll lir-regolatur li ma tistax tassumi r-responsabbiltà għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn dawn iċ-ċilindri, li huma mimlija b’mod illegali. Liquigas ukoll ħeġġet lill-awtoritajiet biex jipproteġu l-interessi tal-konsumatur billi jieħdu azzjoni meħtieġa ħalli dan l-abbuż jitwaqqaf.

Dr Roberto Capelluto, Kap Eżekuttiv ta’ Liquigas, qal: “Nistennew lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni effettiva biex jipproteġu l-interessi ta’ Liquigas u għax fl-istess waqt dan hu fl-interessi tal-konsumaturi. Din hi kwistjoni serja, li għandha tkun ittrattata minnufih speċjalment meta hemm provi biżżejjed dwar min hu responsabbli għal din l-attività illegali.”

Is-siġill Liquigas hu distint u jista’ jingħaraf mill-ewwel minn kulħadd. Il-klijenti għandhom jiżguraw li s-siġill ikun intatt u mhux imbagħbas, halli jiżguraw li huma qed jirċievu ċilindru li hu mimli kif suppost u li għandu gass ta’ kwalità tajba.  Apparti l-kelmiet “Liquigas”, kull siġill għandu ukoll in-numru tas-serje għal skop ta’ identifikazzjoni u traċċabiltà. Minbarra li joffri mod aktar faċli u konvenjenti għall-konsumaturi biex jneħħu s-siġill qabel l-użu, dan is-siġill joffri serħan il-moħħ peress li juri li ċ-ċilindru kien mimli b’mod korrett fil-faċilità moderna ta’ Liquigas f’Bengħajsa, u għalhekk għandu garanzija ta’ kwalità.