Konklużjonijiet li waslu għalihom diversi rapporti li saru tul is-snin dwar is-sitwazzjoni tat-Tieq tad-Dwejra kollha stabbilew li l-kroll tat-tieqa tad-Dwejra kien inevitabbli.
Il-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra kien diskuss fil-parlament illejla fi stqarrija ministerjali li saret mill-ministri Edward Zammit Lewis u Josè Herrera.
Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal li l-pajjiż tilef ġawhra ewlenija iżda Għawdex ma tilifx il-potenzjal turistiku tiegħu għaliex iż-żona tad-Dwejra hi sit ambjentali li hu rikonoxxut internazzjonalment u għandu potenzjal kbir. Hu qal li dak li seħħ kien previst għaliex l-elementi tan-natura ma seta’ jikkontrollhom ħadd. Anki l-gvernijiet preċedenti ipprovaw itawlu ż-żmien tat-Tieqa tad-Dwejra u din l-amministrazzjoni kompliet fuqhom.
Edward Zammit Lewis kompla li fl-2016 żaru l-pajjiż 1.15 miljun turist, żieda ta’ 13% fuq l-2015. In-numru ta’ viżitaturi f’Għawdeex kiber b’340,000 fl-aħħar erba’ snin. L-MTA se tkun qed taħem biex tirreaġixxi bir-reklamar fis-swieq turistiċi għall-kollass tat-Tieqa tad-Dwejra biex ma jkunx hemm impatt negattiv fuq is-swieq turistiċi Maltin.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li l-arkata tad-Dwejra kienet waħda temporanja tant li tul l-aħħar 30 sena t-Tieqa kellha bidliet kbar fiha b’mod naturali. Hu qal li l-istudji kollha wrew li l-kollass tat-Tieqa kien wieħed naturali u inevitabbli.
Fis-2.15 pm tal-bieraħ kien hemm riħ forza sitta b’buffuri ta’ forza disa’ porpju fid-9.15 am. Kine dan ir-riħ u l-mewġ li fil-fatt waqqgħu l-istruttura. F’April 2012 il-pilastru tat-Tieqa esperjenza falliment meta waqgħet massa kbira minnu. L-azzjoni tal-mewġ effettwat tal-pilastru, li kien iddgħajjef tul is-snin.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li t-Tieqa kienet rikonoxxuta internazzjonalment u l-kollass ma jnaqqas xejn mill-importanza ambjentali tal-post. Il-pjan li kien imħejji se jkompli jkun attwat.
Il-Viċi-Kap tal-Opożizzjoni Mario de Marco qal li l-pajjiż tilef patrimonju ġeoloġiku u parti mill-memorja kollettiva tal-Maltin. Hu sostna li l-pajjiż irid jirrikonoxxi li hu uniku fl-attrazzjonijiet li joffri biex ikomplu jkunu attirati turisti lejn Malta u Għawdex. Mario de Marco appella biex ikunu attwati l-pjani ta’ maniġġjar għaż-żoni ambjentali u storiċi.
Id-deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li l-pajjiż tilef parti mill-ikona tiegħu u parti mill-prodott turistiku. Hu staqsa jekk il-gvern jikkunsidrax li issa fadal biss memorja tat-Tieqa, jiżviluppa mużew u attrazzjoni turistika li tagħmel ġieħ għad-Dwejra u għat-Tieqa tad-Dwejra u jekk hux se jsiru proġetti infrastrutturali f’Għawdex.
Id-deputat Marlene Farrugia qalet li ma saret l-ebda stqarrija meta ngħatat l-art fiż-Żonqor li taħtha hemm għerien imprezzabbli li jistgħu jintilfu, għat-telfa tal-bini ikoniku tal-ITS f’Pembroke, dwar il-periklu tal-blat f’Tigne u dwar irħula li qed jintilfu taħt blokki ta’ appartamenti. Hi appellat lill-ministri tat-turiżmu u tal-ambjent biex jassiguraw li dan ma jibqax isir.
Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder staqsa jekk setax isir iktar biex it-Tieqa tad-Dwejra tissalva u kompla li hemm wirt ieħor li hu f’riskju li jgħaddi mill-istess sitwazzjoni tad-Dwejra. Hu appella biex isir pjan dwar dawn il-postijiet li jinsabu f’riskju.
Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera tkellem dwar l-importanza ta’ turiżmu sostenibbli f’Għawdex u qal li ftit xhur inħareġ avviż legali li iddikjarat 1,000 tomna kwadri fl-Imwadar bħala tpattija għal effetti fil-proġett taż-Żonqor.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li ż-żewġ gvernijiet għamlu dak li setgħu biex tissalva t-Tieqa tad-Dwejra iżda ma seta’ jsir xejn biex din tkun salvata.
Il-Ministru għal Għawdex qal li l-konklużjoni tal-espert li ġab il-Gvern kienet li ma kien hemm xejn x’isir biex it-Tieqa tad-Dwejra tkun salvata.
//= $special ?>